“Se nkunu qegħdin nipparteċipaw bis-sħiħ fil-konsultazzjoni pubblika.”
Kien b’dan il-mod li l-Kamra tal-Inġiniera laqgħet b’sodisfazzjon il-proċess li beda l-Gvern biex il-kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni jkunu liċenzjati.
Malcolm Zammit, li huwa l-President ta’ din il-Kamra, innota kif il-Gvern qiegħed jirrispondi għal dak li diversi assoċjazzjonijiet jaqblu li hemm bżonn li jsir f’dan is-settur importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-President tal-Kamra tal-Inġiniera qal li, “Bħala Kamra tal-Inġiera nilqgħu dan l-iżvilupp b’sodisfazzjon kbir. Fil-passat anki kellna diversi istanzi fejn kellna l-opportunità nesprimu ruħna. Din hija xi ħaġa bżonnjuża, illi jkun hemm aktar regolamentazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni.”
L-istess sentiment kien espress mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandiera u r-Risoranti, Tony Zahra, li nnota kif dan il-liċenzjar imur id f’id mal-iżvilupp f’pajjiżna f’dan il-qasam.
Il-President tal-MHRA spjega li “Aħna ħadna gost naraw illi l-liċenzja tal-kuntratturi se ssir u se ssir fi żmien qasir, għax din hija bżonnjuża fis-sitwazzjoni li għandna bħalissa fil-pajjiż, fejn għandna żvilupp kbir, mgħaġġel, u għandna ħafna għodda ġodda illi għandhom bżonn in-nies li huma liċenzjati biex joperawhom.”
Il-fatt li l-Gvern embarka fuq konsultazzjoni pubblika, qed tintlaqa’ tajjeb ferm minn bosta hekk kif ma’ dan l-istazzjon saħqu li se jkunu qegħdin jipparteċipaw bis-sħiħ. Fost dawn hemm il-Kamra tal-Inġiniera.
Is-Sur Zammit spjega li, “Se nkunu anki qegħdin nipparteċipaw aktar fil-konsultazzjoni fejn nistgħu naqsmu anki kemm it-tagħrif tekniku tagħna bħala inġiniera u anki ta’ membri tagħna li jaħdmu, fl-aħħar mill-aħħar, f’dan is-settur.”
Intant, il-President tal-MHRA innota wkoll l-importanza tal-edukazzjoni iżda mhux biss hekk kif tkellem ukoll dwar l-importanza tal-infurzar sabiex b’hekk il-liċenzjar ikun wieħed irrispettat minn dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur.
Is-Sur Zahra qal li, “Però, sintendi, għandek ,kif jgħidu l-Ingliżi, il-carrot u għandek l-istick. Mela l-karrotta hija li ngħallmuhom u l-istick hija li ninfurzaw l-liġi u, fejn hemm min ma jridx joqgħod magħha l-liġi, allura trid tagħmlilhom il-multi biex ikollok l-istick ukoll.”
Fil-fatt, f’każijiet fejn kuntrattur ma jkunx qiegħed jaħdem skont ir-regolamentazzjoni proposta, se jista’ saħansitra jkollu l-liċenzja sospiża jew agħar minn hekk revokata.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ April.