12:20pm: Bl-aħħar aġġornamenti li qed jintwerew bħalissa, jidher li Wisconsin kif ukoll Alaska, Donald Trump issa jidher li kiseb 279 tal-voti tal-kulleġġ elettorali.
Għal min mhux familjari mas-sistema tal-votazzjoni Amerikana, kull stat jew teritorju imexxi l-elezzjoni tiegħu stess, fejn minn hemm jibgħatu numru ta’ persuni eletti, li huwa bejn wieħed u ieħor ibbażat fuq id-daqs tal-popolazzjoni tiegħu – biex jivvutaw f’dak li jissejjaħ il-kulleġġ elettorali.
11:30am: UFFIĊJALI: Donald Trump is-47 President tal-Istati Uniti
Trump rebaħ Wisconsin u permezz ta’ hekk hu ġie ddikjarat bħala r-rebbieħ ta’ din l-elezzjoni.
Dan ifisser li Trump kiseb 276 voti, aktar mill-270 li kien hemm bżonn li jikseb kif imtenni ftit qabel.
11:29am: Aktar mexxejja ngħaqdu fl-awgurju hekk kif fosthom kien hemm il-President Franċiż, Emmanuel Macron, li qallu li jistenna b’ħerqa li jaħdmu flimkien.
Intant l-President tal-Ukrajna, Volodymr Zelensky, feraħ lil Trump filwaqt li faħħar l-impenn tiegħu li lest jaħdem għall-paċi permezz ta’ saħħa – liema azzjoni se tkun qed tgħin biex iġġib il-paċi fl-Ukrajna.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, tenna l-istess sentiment ta’ Zelensky fejn sostna li Trump se jservi rwol ewlieni fil-pass li jmiss.
Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, faħħret l-alleanza li pajjiżha għandu mal-Amerka fejn tenniet kif din se tkompli tissaħħaħ.
10:25am: Filwaqt li quddiem Trump inġabru l-eluf sabiex jisimgħu l-ewwel diskors tiegħu aktar kmieni llum meta ħabbar ir-rebħa, ix-xena fis-sit fejn kellha titkellem Kamala Harris kienet totalment differenti f’Washington DC.
Dan hekk kif kien mistenni li Harris kellha titkellem fl-Università Howard iżda aktar ma’ sar evidenti ir-riżultat, dawk miġbura kollha telqu tant li ż-żona spiċċat abbandunata.
10:10am: L-ambjent f’Palm Beach bħalissa, fejn hemm bosta partitarji ta’ Trump, hi waħda ta’ ferħ b’bosta armati b’vetturi mżejnin b’kartelluni, bnadar u saħansitra anke lbies minn fuq s’isfel.
Bħalissa l-ħin fl-Amerka hu dak tal-4:00 ta’ filgħodu iżda dan ma waqqafx lill-partitarji hekk kif jinsabu fuq barra taċ-Ċentru fejn tkellem Trump, jisfnu, jiċċelebraw u jaqbżu lkoll flimkien.
10:02am: Hekk kif s’issa ngħaddew s’issa 76% tal-voti f;Nevada, Trump jidher li jinsab fuq quddiem b’51.5% tal-voti u Kamala Harris b’46.8%.
Dawn ir-riżultati huma bbażati fuq estimi ta’ kif l-elettorat ivvota li jiġi kkalkulat waqt il-proċess tal-għadd.
09:31am: Fuq il-pjatta forma ‘X’, il-Prim Minsitru Robert Abela, f’isem il-Gvern Malti, feraħ lill-President Amerikan elett Donald Trump. Huwa qal li jħares ‘il quddiem sabiex flimkien jaħdmu favur il-paċi, l-istabbilità, u l-prosperità fid-dinja.
Intant id-Deputat Prim Ministru, Ian Borg, għadda l-messaġġ tiegħu wkoll bħala awguri.
09:29am: Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer, awgura lil Trump fejn qal li jinsab ħerqan biex jaħdem miegħu.
Congratulations President-elect @realDonaldTrump on your historic election victory.
— Keir Starmer (@Keir_Starmer) November 6, 2024
I look forward to working with you in the years ahead. pic.twitter.com/QYHLd4k4EG
09:23am: Il-Prim Ministru ta’ Iżrael awgura lil Trump għal din il-“kisba storika lura fil-poter”.
Wara li ddikjara din ir-rebħa, bosta mexxejja dinjin qed jawguralu għar-ritorn tiegħu lura fil-poter.
Il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, ukoll awguralu fejn saħaq kif “din hi rebħa li d-dinja kellha bżonn.”
Tajjeb li nfakkru li minkejja li Trump iddikjara rebħa, hu għadu ma kisibx ir-riżultat meħtieġ. Hu jinsab b’erba’ punti minn taħt sabiex jikseb 270.
09:18am: Kif jidhru l-affarijiet s’issa, Trump jinsab fi triqtu biex jirbaħ il-vot popolari wkoll. Dan ifisser li se jkun rebaħ b’maġġoranza ta’ voti – xi ħaġa li ma għamilx lura fl-2016.
Fadal seba’ riżultati x’jitħabbru, fejn bħalissa Kamala Harris tinsab b’47.2% tal-voti f’isem id-Demokratiċi filwaqt li Trump għandu 51.1% tal-voti f’isem ir-Repubblikani.
09:11am: Minkejja li s’issa r-riżultat għadu mhux ikkonfermat b’mijja fil-mijja, jista’ jingħad li Donald Trump se jkun il-President li jmiss tal-Istati Uniti. Hu se jkun it-tieni raġel fl-istorja li se jservi għat-tieni terminu mhux konsekuttiv bħala President.
Fl-età ta’ 78 sena, waqt li qed jaffaċċja numru ta’ skandli u affaċċja matul il-karriera tiegħu, fosthom anke numru ta’ każijiet il-Qorti, u anke ħarab minn ħalq il-mewt – Trump se jkun qed jirrappreżenta lill-poplu Amerikan fil-White House hekk kif l-Amerikani reġgħu tawh iċ-ċavetta biex jirritorna lura f’Washington.
9:00am: Għadna kemm ktibna l-istorja u se nkun is-47 President tagħkom.
Iddikjara dan Donald Trump meta ħabbar rebħa għalih u r-Repubblikani.
Huwa rringrazzja lil Melania u sejħilha bħala l-“First Lady”.
JD Vance, li se jkun il-50 Viċi President tal-Istati Uniti, ukoll indirizza lill-folla u qal kif il-Gvern ta’ Trump se jaħdem għall-ħolm tal-Amerikani.
S’issa Trump rebaħ 266 tal-voti tal-elettorat jiġifieri aktar minn tnejn u sittin miljun, filwaqt li Harris rebħet 218 tal-voti tal-elettorat.
Aqra aktar:
Wara li lbieraħ miljuni ta’ Amerikani vvutaw fl-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat bdew jingħaddu l-voti, bl-ewwel projezzjoniiet qed juru lill-eks President Donald Trump fuq quddiem tat-tellieqa.
Donald Trump rebaħ tliet swing states minn sebgħa, dawk ta’ North Carolina, l-istat ta’ Georgia u Pennsylvania.
Huwa mistenni jindirizza lill-partitarji tiegħu dalwaqt fi Florida.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif in-nies ta’ Trump huma pożittivi, filwaqt li hemm sens ta’ ansjetà fil-kwartieri tal-kandidata l-oħra Kamala Harris.
S’issa Trump rebaħ 246 tal-voti tal-elettorat jiġifieri aktar minn tnejn u sittin miljun, filwaqt li Harris rebħet 194 tal-voti tal-elettorat li jfissru aktar minn sebgħa u ħamsin miljun vot.
Kandidat rebbieħ irid jirbaħ total ta’ 270 voti tal-elettorat biex jirbaħ it-tellieqa.
Sadanittant infakkrukom li ONE bħalissa għaddej bi programm speċjali dwar l-elezzjoni Presidenzjali.