Waqt intervent telefoniku fuq il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela, tkellem dwar kif Gvern Laburista, mhux biss se jkompli joffri serħan il-moħħ u stabbilità, iżda wkoll, se jkompli jwieżen lill-familji u n-negozji, billi jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies.
Dr. Abela, irrefera għall-miżuri li tħabbru fil-Budget li qal se jibdew jagħmlu differenza sostanzjali għall-familji minn dan ix-xahar stess, b’żieda fil-pagi tagħhom permezz tal-akbar tax cut fl-istorja, b’inqas ħlas fit-taxxa tad-dħul. Il-Prim Ministru qal li mal-€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-familji għax kull ħaddiem mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €1,000 li jaqla’ fil-paga.
“Il-bidu ta’ din is-sena, se jkun qed ifisser żieda oħra sostanzjali fil-pensjonijiet. Ħaddieħor, meta kien imexxi l-pajjiżna qabel l-2013, friża fil-pensjonijiet. Kienu żiedu l-età pensjonabbli u kienu huma biss li żiedu l-età pensjonabbli – mhux bi ftit xhur, imma fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, żiedet bi snin u kontemporanjament, ħallew il-pensjonijiet iġġamjati. Aħna dis-sena se tkun tfisser l-għaxar żieda konsekuttiva. Niġu biex inħabbru l-baġit f’Ottubru li ġej, u nerġgħu nżidu l-pensjonijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, il-Prim Ministru, żied jgħid li f’pajjiżna, il-ġid qed jiġi ġġenerat b’mod sostenibbli sabiex jitqassam ma’ kulħadd.
Huwa tkellem ukoll dwar kif ġie miġġieled il-fenomenu tal-inflazzjoni, anke f’kuntest ta’ diversi sfidi, biex b’hekk inżammu l-prezzijiet stabbli.
Il-Prim Ministru, indirizza wkoll il-Labour Migration Policy – li se tirregola s-suq tax-xogħol, partikolarment fejn jidħlu l-ħaddiema barranin – b’din tmur id f’id ma’ sforzi li diġà saru, fosthom ir-regolarizzazzjoni tat-temping agencies, kif ukoll ir-riforma fis-settur tal-ħaddiema tal-Y-plates u l-food couriers.
“Dik il-politika, li se nkunu qed inniedu fil-ġranet li ġejjin, u li se toħroġ imbagħad għall-konsultazzjoni pubblika, li tirregola s-suq tax-xogħol, partikolarment fejn jidħlu il-ħaddiema barranin. Aħna konxji u qatt ma nistgħu nkunu popolisti li fis-suq tax-xogħol tagħna, teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema barranin – third country nationals, imma rridu nkomplu nsaħħu wkoll id-dixxiplina.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa ma naqasx li jsemmi wkoll il-Viżjoni Malta 2050 – li tħares ‘il quddiem u tippjana fit-tul.