F’Ta’ Qali saret it-tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għal Malta sal-2027; fondi li jammontaw għal aktar minn €2.2 biljun.
Din it-tnedija saret mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira.
Dan l-akbar pakkett ta’ fondi għal pajjiżna ġie nnegozjat mill-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela fis-sajf tal-2020. Dan il-pakkett huwa aktar mid-doppju ta’ kemm kien ġie nnegozjat minn gvern Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-pakkett ta’ fondi se jibni fuq l-istabbilità ekonomika u fuq is-suċċessi li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.
“Se nkomplu b’mod tanġibbli nittrasformaw Malta fid-deċennju li ġej. Fil-fatt, inqis illum bħala il-bidu ta’ ħafna aktar xogħol biex ninvestu, fost fondi oħra, madwar 820 miljun ewro f’fondi ta’ koeżjoni; flejjes li bihom se nkomplu nkunu aktar kompetittivi, nagħmlu investimenti ħodor u diġitali, u fuq kollox ninvestu fin-nies, fil-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, fl-iżvilupp soċjali.”
Apparti l-investiment li se jsir f’oqsma bħal dawk diġitali u ambjentali, Dr Abela rrimarka li se jżir iżjed investiment ukoll minn fondi Ewropej f’Għawdex, fir-reżiljenza fil-qasam tas-saħħa pubblika u tas-saħħa mentali, fl-edukazzjoni, fit-titjib tal-prodott turistiku, u fil-biedja u sajd.
Dwar l-ambjent, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jinvesti fondi Ewropej f’siti tan-Natura 2000 u f’aktar parks u ġonna għall-familji, kif ukoll l-investimenti tax-shore-to-ship u interconnector ġdid.
Il-Prim Ministru qal li dan l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej, flimkien mal-investiment kollu li qiegħed jagħmel il-Gvern, se jara lil pajjiżna jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Aħna, f’Malta, nibqgħu nemmnu fil-valur tal-koeżjoni, tal-fondi Ewropej li jgħinu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, filwaqt li jnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni. Inwiegħdek li se naħdmu lejl u nhar biex nagħmlu suċċess bihom għal pajjiżna u ġieħ lill-Unjoni Ewropea.”
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni Elisa Ferreira sostniet li hija sodisfatta b’dan il-pakkett ta’ fondi Ewropej lejn pajjiżna, li huma sinjali b’saħħithom tal-appoġġ u s-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea.
Qalet li dan il-pakkett se jgħin biex l-ekonomija Maltija tkun aktar b’saħħitha u aktar moderna, u biex tkun innovattiva u kompettitiva.
Qalet ukoll li dan l-investiment se jibni ekonomija Maltija li tkun aktar ekololoġika u effiċjenti fl-użu tal-enerġija filwaqt li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura.
“I am very satisfied with this agreement and hopeful about how much it can help Malta and the Maltese people because it has been drawn up by a broad consensus and inclusive consultion process involving many different partners.”
Il-Kummissarju Ewropew qalet li hija tilqa’ l-investiment li pajjiżna qiegħed u se jkompli jagħmel fl-enerġija rinovabbli.
“Now it is the time to get to the project pipeline up and running for a more innovative, greener and inclusive Malta. To make a real difference in the lifes of ordinary people across the country. This is infact our partnership, this is our agreement for the future of Malta and the future of Europe. So it is now time for delivery.”
Preżenti wkoll għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Arrtijiet, Silvio Schembri, li rrimarka li dan l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal pajjiżna se jkun fundamentali għall-pjan tal-Gvern biex l-ekonomija tkompli tikber.
“Kif qegħdin taraw, għandna għal pajjiżna pjan ambizzjuż, pjan sabiħ; pjan, iżda, li issa hemm il-fondi biex b’hekk inkomplu nibnu l-pajjiż li nixtiequ, pajjiż li rridu lil uliedna jgħixu fih. Malta isbaħ u aħjar.”
Intant, qabel din it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, kellhom laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja.