“Se nkomplu ninsistu li jintlaħaq bilanċ.” Hekk iddikjara l-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, meta, fil-Parlament, kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputata Laburista Rosianne Cutajar, dwar il-masterplan li ġie propost għal Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex.
Hu spjega l-proċess involut, li kien jinvolvi li l-Awtorità tal-Artijiet tapplika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex, skont il-policies u l-proċessi tagħha, jinħareġ il-permess għat-twettiq tal-masterplan.
Kien għalhekk li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat it-talba għall-permess biex issir il-konsultazzjoni meħtieġa ma’ kull min hu interessat.
Kemm-il darba l-permess ikun approvat, l-Awtorità tal-Artijiet, imbagħad, tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra talbiet għal encroachments skont il-masterplan.
Spjega li dan il-masterplan ġie ppreżentat minħabba li kien hemm encroachments li nħarġu u xejn ma kienu uniformi ma’ xulxin u anke minħabba li żdiedu l-istabbilimenti.
Il-Ministru spjega wkoll li dan il-masterplan jinsab fi stadju ta’ applikazzjoni, waqt li kien suġġett għall-konsultazzjoni pubblika.
“L-ewwel li jkollna sitwazzjoni organizzata u t-tieni li naraw li jintlaħaq bilanċ veru bejn il-ħtiġijiet tal-komunità, il-komunità kummerċjali u nibqgħu nirrispettaw l-użu ta’ din il-pjazza.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo
Għal mistoqsija oħra tal-istess Deputata Rosianne Cutajar, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll kif l-Awtorità tal-Artijiet nediet sejħa pubblika biex jiġu ngaġġati periti ħalli jaħdmu dwar il-masterplan ta’ Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta.