Se nkomplu naħdmu b’responsabilità u b’sens ta’ għaqda nazzjonali.
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, ftit jiem wara li ppubblika l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa stqarr: “Se nkomplu l-ħidma tagħna fuq il-programm ta’ riformi li għandna. Nibdew bid-diskussjonijiet u tħejjijiet fil-Gvern iżda aktar minn hekk imbagħad nibdew nikkonsultaw ma’ dawk involuti u dan se nagħmluh minn din il-ġimgħa stess.”
Il-Prim Ministru fisser aktar il-pilastru tal-għaqda nazzjonali: “L-għaqda nazzjonali ma tfissirx li kulħadd jaqbel f’kollox iżda li niżviluppaw il-ħsibijiet tagħna u niddibattu kemm hemm bżonn bl-akbar rispett anki fejn ikun hemm diverġenza fil-ħsibijiet.”
Dr Abela sostna li l-bidliet li jridu jsiru, fosthom dawk li jittrattaw il-ġurnaliżmu, għandhom isaħħu l-mod kif jaħdem l-istat u l-istituzzjonijiet, fl-istess waqt li jikkumplimentaw ix-xogħol li diġà sar.
Bħala eżempju semma r-riformi fil-liġijiet tal-libell kriminali; li kien ilu biex jitneħħa żmien u tneħħa biss taħt Gvern Laburista.
Issa, qal il-Prim Ministru, deħlin għall-fażi fejn titfassal il-bażi għas-sostenibilità tal-professjoni.
Dr Abela sostna: “Dan irid isir billi aħna nerfgħu r-responsabilità tagħna bħala Gvern iżda mbagħad ikollna s-sehem sħiħ ta’ min is-settur jafu sew. Hemm l-inkjesta u r-rapport li huwa bidu tajjeb fejn jidħlu rakkomondazzjonijiet – xi wħud diġà konna qed nitkellmu dwarhom, imma mbagħad jista’ jkun hemm l-ideat jew proposti li jiġu saħansitra mtejba minn kif inhuma kemm fl-interess tal-professjoni u tas-soċjetà kollha kemm hi.”
Il-Prim Ministru stqarr li fuq din il-kwistjoni, mhux se jilgħab logħob partiġġjan, b’differenza għall-Oppożizzjoni – li l-attitudni tagħha jiġġudikawha n-nies.
Innota b’dispjaċir kif f’tant ħin ta’ diskussjoni, membri tal-Oppożizzjoni ma kellhomx imqar kelma waħda ta’ rikonoxximent lejn l-uffiċjali li jaħdmu għall-ġustizzja.
Il-Prim Ministru saħaq: “Ma jirrikonoxxux il-ħidma ta’ tant nies tal-affari tagħhom u ma jirrikonoxxux l-iżviluppi pożittivi li kellna għall-ġustizzja, għax il-maġġoranza tal-persuni fdati biex jaħdmu għal dan il-pajjiż, dan jagħmluh b’għaqal, bi bżulija, b’onestà u b’lealtà u dawk in-nies ma ħaqqhomx iż-żebliegħ ta’ min suppost qiegħed hemm biex jagħtihom kuraġġ.”
Dr Abela fakkar kif f’dan il-każ, u anki f’każijiet serji oħra, hemm diversi persuni jaffaċċjaw il-ġustizzja fil-Qrati.
Saħaq li dak li għamlet l-Oppożizzjoni fil-Parlament, żgur li mhuwiex il-mod kif jingħata kuraġġ lil min qed jaqdi dmirijietu biex jikseb il-ġustizzja.
Il-Prim Ministru tenna: “L-istituzzjonijiet divesi – il-ġudikatura, il-Pulizija u oħrajn jafu li dan huwa Gvern li filwaqt li jirrispetta l-indipendenza sħiħa li jaħdmu fiha u għamel il-bidliet biex isaħħilhom il-pożizzjoni tagħhom, se jibqa’ jinvesti fihom biex jagħmlu xogħolhom u jagħtihom ukoll l-appoġġ morali meħtieġ għax jifhem li ħidmiethom mhux faċli.”