Fil-ftuħ ta’ laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-liġijiet u politika li jħarsu l-ugwaljanza organizzata f’Malta mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru Helena Dalli qalet li t-tixrid tal-ugwaljanza fl-oqsma kollha tal-ħajja hi waħda mill-għanijiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa ġie spjegat kif l-avvanz tal-ugwaljanza jikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali fis-soċjetà, li hi waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Maltija.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li pajjiżna huwa impenjat li jkompli jissalvagwardja opportunitajiet indaqs għal kull ġeneru biex ikun żgurat li jintuża l-potenzjal ta’ kull ċittadin.
B’referenza għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-Presidenza Maltija qed tiddiskuti l-abbozz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Titjib fil-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE, bil-għan li jiġi addottat fil-Kunsill tal-EPSCO.
Dawn il-Konklużjonijet jindirizzaw is-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel li jaħdmu bil-prekarjat u bi dħul baxx mingħajr opportunitajiet t’avvanz minħabba nuqqas ta’ ħiliet kif ukoll ta’ nisa u rġiel li jsibu diffikultajiet biex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
Il-Presidenza Maltija qed taħdem biex isir progress fid-diskussjoni dwar il-Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati.
Fi kliem il-Ministru konferenza se tittella’ f’pajjiżna l-Ġimgħa, Malta se tkompli tagħti prominenza biex tiġi miġġielda l-vjolenza b’mod partikolari bil-qsim ta’ informazzjoni u prattiċi tajba. Fl-istess ħin se tkun qed tingħata wkoll attenzjoni biex ikunu ffinalizzati l-Proposti tal-Kummissjoni għad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni Ewropea.