Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar irrimarkat li Jum l-Ewropa ta’ din is-sena qed jiġi mfakkar f’kuntest speċjali hekk kif il-ġimgħa li għaddiet ġiet konkluża l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’ċelebrazzjoni uffiċjali ssir illum fi Strasburgu.
l-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, kienet proċess ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini Ewropej fuq ammont ta’ xhur bl-intenzjoni li tħares lejn l-Unjoni Ewropea u l-futur tagħha, fl-isfond tal-ħsibijiet u r-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej li ġew diskussi fi plenarja apposta. Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, kienet ir-rappreżentanta Maltija mis-Soċjalisti Ewropej f’din il-plenarja, fejn kompliet timbotta għal Ewropa aktar viċin in-nies, Ewropa li tilħaq il-periferija, Ewropa li ma’ tħalli lil ħadd warajha.
Bħala membru tal-Grupp ta’ Ħidma għat-Trasformazzjoni Diġitali f’din il-Konferenza, Cutajar imbuttat ukoll għal drittijiet ġodda, b’wieħed mis-suġġetti ewlenin ikun l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali.
Fi Frar li għadda, il-MPE Josianne Cutajar kienet waħda mill-Membri Parlamentari Ewropej tas-Soċjalisti li ffirmat ittra li sejħet għal Karta Ewropea għad-Drittijiet Diġitali u dan biex jiġu assigurat drittijiet diġitali aktar b’saħħithom.
Fost l-oħrajn, din l-ittra irreferiet għall-aċċess tal-internet bħala dritt uman, u dan wara li fil-ħidma tagħha matul is-sena li għaddiet, il-MPE Cutajar kienet diġa’ bdiet tagħmel pressjoni anke permezz ta’ mistoqsija uffiċjali lill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tkompli timbotta għal dan id-dritt.
Josianne Cutajar fakkret li l-konnettività u l-internet, imma wkoll il-miri u politika favur aktar ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini tagħna, huma essenzjali biex l-Unjoni Ewropea tilħaq lil kulħadd, inkluż dawk li ma jistgħux faċilment jivvjaġġaw lejn iċ-ċentri ta’ diskussjonijiet fl-ibliet u l-istituzzjonijiet biex iwasslu leħinhom.
Il-MPE Josianne Cutajar li kienet preżenti wkoll għal diversi attivitajiet organizzati matul dawn il-jiem fl-istituzzjonijiet differenti, inkluż fil-Parlament Ewropew fi Brussell, intiżi biex ikun hemm djalogu informali maċ-ċittadini dwar il-ħidma mwettqa, kompliet tisħaq fuq l-importanza li ċ-ċittadini, ġejjin minn fejn ġejjin, ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma u l-konsultazzjoni tal-Unjoni Ewropea.