Sitt ijiem qabel jingħata l-ġurament tal-ħatra bħala l-għaxar Kap ta’ Stat Malti mill-1974 ‘il hawn, il-Presdient Nominat George Vella sostna ma’ ONE NEWS li se jagħmel ħiltu kollha biex bil-mandat li se jingħatalu l-Ħamis li ġej ikompli jżid fuq it-tajjeb li sar mill-predeċessuri tiegħu.
“Wieħed jipprova jidħol fiż-żraben ta’ dawk li kienu qablek, tipprova tara l-aħjar tagħhom u tipprova kemm jista’ jkun tuzah u żżid fuqu”
It-Tabib Vella qal li l-ġejjieni diffiċli tbassru, iżda qal li jinsab lest biex jaqdi l-obbligi u r-responabilitajiet li ġġib magħha l-Presidenza b’moħħ miftuħ. Madankollu qal li wieħed irid iħejji lilu nnifsu għal dak li jista’ jsib ma’ wiċċu mingħajr ma jkun qed jistennih.
“Però mbgħad ovvjament wieħed irid ikun ippreparat ukoll għall-imprevist, għax ma tistax tgħid, anke ħafna preċedessuri sabu ma’ wiċċhom problemi li kellhom isolvuhom, problemi politiċi, problemi anki kostituzzjonali biex ngħid hekk. Ġifieri wieħed irid jidħol with an open mind u jipprova illi jagħmel l-aħjar tiegħu”
Dr Vella qal dan fi tmiem laqgħa li kellu mal-President Marie Louise Coleiro Preca li matulha kompla jingħata rendikont tal-ħidma li jwettaq l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, u l-entitajiet li jaqgħu taħtu fosthom il-Malta Community Chest Fund.
Intant għall-ewwel darba fl-istorja, il-President għaddiet inventarji li kkumpliat l-aġenzija Heritage Malta tal-wirt storiku u kulturali fil-Palazzi Presidenzjali.
“Komplejna nagħtu handover anke ta’ inventarju, perezempju tal-kotba li llum għandna f’din il-militenzja fil-librerija ta’ San Anton, hija xi ħaġa ġdida wkoll, hija inizjattiva li ħadna matul il-Presidenza. Imma wkoll għaddejna inventarji u rapporti ta’ kwalunkwe xi ħaġa li konna qed naħdmu dwarha biex naturalment Dr. Vella jkun jista’ jidħol u jkun jista’ ikompli bix-xogħol tiegħu mingħajr diffikultà”
Il-President nominat se jingħata l-ġurament tal-ħatra l-Ħamis 4 ta’ Arpril bl-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali b’għadd ta’ intervisti esklussivi ma’ nies li ħadmu mill-qrib mat-Tabib Vella.