“Ir-riformi soċjali huma dawk li jagħtu l-identità lill-Partit Laburista.”
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela propju fil-ġimgħa li fiha f’Malta ġiet iċċelebrata l-Pride Week
Fl-intervista fuq l-istazzjon ONE, Dr Abela elenka n-numru ta’ riformi li wettaq pajjiżna sabiex illum il-ġurnata Malta tinsab f’fuq nett tal-lista fejn jidħlu d-drittijiet ċivili.
Hawnhekk saħaq li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-ugwaljanza u għalhekk se jibqa’ jimplimenta aktar miżuri mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li żgur se jkomplu jsaħħu l-qasam.
“Jien li nista’ ngħid huwa li l-Gvern immexxi minni, totalment konvint minn dak li qed nagħmlu għax nemmen f’din it-tema tal-ugwaljanza, nemmen li ħadd ma jistħoqlu li jiġi diskriminat minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu u l-fehmiet u għalhekk ilbieraħ kienet ċelebrazzjoni tal-mixja li kellna dawn l-aħħar snin imma wkoll l-għatx illi nibqgħu nagħmlu r-riformi biex dejjem nibqgħu fuq quddiem nett fejn jidħlu l-qasam tar-riformi u l-qasam li jolqot id-drittijiet ċivili.”
L-għada li ma’ eluf ta’ nies attenda għall-Pride March fil-Belt, il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra rġiel gay fl-għoti tad-demm. Miżura li fi kliemu ġabet ferħ f’bosta.
Intant, fil-ġimgħa li fiha tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabbetta t-Tieni, il-Prim Ministru, filwaqt li fakkar il-memorja tagħha, innotta l-imħabba u d-dedikazzjoni li hi kellha għall-pajjiżi tal-Commonwealth, fost oħrajn.
“Karatteristika importanti oħra tar-Reġina kienet l-importanza li tat lill-Commonwealth, dan in-numru ta’ pajjiżi li Malta huwa wieħed minnhom illi dari kienu jaqgħu taħt l-imperu Ingliż u l-importanza tal-messaġġ li tat dejjem ġol Commonwealth inkluż fiċ-ChOGM, tal-importanza tad-djalogu li inti tpoġġi madwar mejda u ssib s-soluzzjonijiet, it-temi importanti li tqajmu fil-Commonwealth fosthom it-tibdil fil-klima.”