“Il-Partit Nazzjonalista reġa’ falla t-test tal-interess nazzjonali.”
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu hekk kif kien mistoqsi dwar il-vot tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament dwar emendi f’artiklu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, aktar kmieni din il-ġimgħa.
Vot li biex jgħaddi kien jeħtieġ iż-żewġ terzi tal-Parlament u li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi kienu jkunu jistgħu joħorġu multi ogħla lil min ma jkunx konformi mal-liġi fl-operat tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif mal-mument li ttieħed il-vot, id-Deputati Nazzjonalisti nfexxew b’ċapċipa ta’ sodisfazzjon. Qal ukoll li dan huwa vot kontra t-trasparenza u s-saltna tad-dritt.
Huwa stqarr: “Vot li jibgħat messaġġ min-naħa tal-Oppożizzjoni lil min qed jabbuża f’dan il-pajjiż biex jibqa’ jagħmel hekk għaliex meta tagħsar dak li jfisser dan il-vot ifisser messaġġ mill-Oppożizzjoni li min qed jabbuża qed intuh il-barka tagħna biex jibqa’ jagħmel hekk. Jien ma nixtieqx nidħol wisq fit-teknika ta’ x’kien ifisser dan l-abbozz ta’ liġi. Dak eżerċizzju li sar fil-Parlament diġà. Però l-konklużjoni politika hija aħħarija. Li dan huwa vot li waqqa’ l-maskra tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif f’ġieħ it-trasparenza, dwar din il-liġi l-Gvern talab l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja.
Quddiem dan ix-xkiel mill-Partit Nazzjonalista, spjega kif din l-attitudni negattiva mhux se twaqqaf lill-Gvern Laburista milli jkompli jirriforma.
Dr Abela sostna: “Minkejja din l-attitudni tal-Oppożizzjoni aħna xorta se nibqgħu nirriformaw u se nibqgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż u mar-riformi kbar li għamilna minn Jannar tal-2020 se nagħmlu aktar u aktar u dwar dan il-punt hemm il-kelma tiegħi lejn il-poplu Malti.”
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-ħidma governattiva fl-aħħar jiem, fosthom dwar l-inawgurazzjoni ta’ Wied Fulija li minn miżbla fejn fiha kien hemm miġbur maż-żewġ biljun kilogramma ta’ skart, issa ġie riġenerat fi spazju miftuħ b’investiment ta’ €4.5 miljun u li fih mal-43,000 siġra u arbuxell.
Huwa tenna: “Dan proġett li juri l-bidla fil-mentalità fejn jidħol is-settur ambjentali u s-settur tant ieħor importanti tal-waste managment fejn iva kruċjali li l-isfidi nibqgħu nibdluhom f’opportunitajiet. Dan huwa proġett ieħor li qed juri li aħna fuq l-ambjent mhux biss qed nitkellmu qegħdin imma b’mod ċar qed inwettqu. Proġett li juri kemm l-ambjent huwa tabilħaqq prijorità għalina.”
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif dan il-Gvern se jkun qed jinvesti nofs biljun ewro f’impjanti ġodda li jibdlu l-iskart f’riżorsa.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-għeluq tal-impjant tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa wara 120 sena u li sar b’investiment ta’ €70 miljun. B’hekk issa beda jintuża l-impjant ta’ Ħas-Saptan bl-għan aħħar li tibqa’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-inħawi.
Tul l-intervista tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-miżura tal-Gvern dwar it-tħaddim b’saħħtu tar-remote working għas-settur pubbliku.
Dr Abela tenna kif din id-deċiżjoni turi kemm il-Gvern mhux biss jifhem ir-realtajiet tal-lum iżda ta’ għada. Dan l-element tal-bidla se tiġi riflessa wkoll fl-iskema taċ-childcare hekk kif se jitħabbar li se jibda x-xogħol biex jiġi estiż dan is-servizz f’ħinijiet aktar imtawla.
Estenzjoni li tibda permezz ta’ proġett pilota minn Ottubru li ġej f’numru ta’ ċentri differenti.
Il-Prim Ministru temm jgħid: “Dan kollu nagħmluh filwaqt li nżommu sodi l-prinċipji tagħna għaliex dawk huma dawk il-prinċipji li jiggwidawk sabiex tkun tista’ tagħmel il-bidliet li jagħmlu t-tijib pożittiv fil-ħajja tan-nies u nibnu fuqhom għar-realtajiet tal-lum biex Malta dan il-pajjiż li tant inħobbu jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/07/18/il-vaccin-poggiena-fsitwazzjoni-li-hija-aktar-sigura-il-pm/