Malta aġixxiet b’konformità mal-liġijiet internazzjonali u se tkompli timxi b’mod sod iżda korrett.
Dan parti mill-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija Ministerjali fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija.
Diskors li fih il-Prim Ministru innota l-fatti li seħħew, iġifieri li f’ħin bla waqt l-awtoritajiet Taljani ordnaw lill-MV Aquarius – li kienet fi triqitha lejn l-Italja skont il-konvenzjonijiet internazzjonali – biex tieqaf fejn kienet tinsab.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna dejjem żamm mal-obbligi internazzjonali tiegħu, u tenna li l-interess tal-Gvern Malti hu li jkollu l-aħjar relazzjoni possibbli mal-Italja.
Innota wkoll li minkejja kollox, pajjiżna bagħat konsenja ta’ ikel u ilma għal dawk abbord l-MV Aquarius.
Innota kif il-pożizzjoni ta’ Malta ma hijiex waħda populista imma ta’ kompassjoni realistika.
Fl-aħħar nett il-Prim Ministru appella għall-għaqda nazzjonali, u ma nħallux sitwazzjonijiet bħal dawn ixerrdu r-razziżmu.