“Se nibqgħu naħdmu bis-saħħa biex Nsaħħu lil Malta tagħna.”
Dan kien il-messaġġi ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba fil-ftuħ tal-konferenza ġenerali bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Ma naqasx li fl-ewwel domanda li rrisponda l-Prim Ministru kienet dwar is-Summit tal-MED9 fejn tkellem dwar is-sinifikat tiegħu. Dr Abela nnota kemm dan is-summit kien importanti fid-dawl tal-klima politika internazzjonali kkaraterizzata mill-avvenimenti klimatiċi, il-kriżi tal-immigrazzjoni illegali, is-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, fost temi oħra.
Il-Prim Ministru stqarr li mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq wieħed irid jara opportunitajiet ta’ koperazzjoni, fosthom fil-qasam tal-enerġija, u mhux biss l-isfida tal-immigrazzjoni.
Dwar iż-żjara fl-iskola tan-Nadur, Għawdex mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen, il-Prim Ministru stqarr kif din kienet it-tieni żjara tagħha u rat l-frott ta’ Fondi Ewropej mill-pakkett ta’ NextGeneration EU.
Waqt li kien qiegħed jindirizza mistoqsija dwar il-qasam soċjali, Dr Abela tkellem dwar l-importanza ta’ aktar servizzi inklussivi li jingħataw fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin biex b’hekk fost l-oħrajn, persuni b’diżabbiltà jiksbu l-indipendenza. L-istess intqal fuq l-anzjani li jistgħu jaċċessaw numru ta’ servizzi wkoll fi ħdan il-komunità tagħhom.
Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza l-importanza li l-Partit Laburista, b’mod partikolari l-politiċi, għandhom jibqgħu man-nies u jisimgħu l-bżonnijiet tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għar-rapurtaġġ fuq il-midja lokali, dwar storja li sejħilha riċiklata u li dwarha qegħdin isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa. Hawn Abela, stqarr li mhux se jkun qiegħed jaqa’ għal-livell partiġġjan u minflok iħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom. Dan apparti li ħeġġeġ aktar ħidma b’risq il-bżonnijiet leġittimi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Għal mistoqsija oħra li saritlu minn żgħażugħa rigward inizjattivi li jinċentivaw żgħażagħ jibdew in-negozju tagħhom. Dr Abela stqarr li l-Gvern mmexxi minnu se jibqa’ jkun ta’ spalla għal qasam tan-negozju f’pajjiżna.
Dan filwaqt li nnota l-inizjattiva ta’ venture capital biex wieħed jibda n-negozju tiegħu apparti aktar investimenti fl-ekonomija l-blu u lejn proġetti aktar sostenibbli.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll minn anzjan dwar l-għoli tal-ħajja, fejn nnota l-importanza tagħha fil-preżent. Abela stqarr kif din it-tema qed tkun ukoll fuq fomm il-mexxejja li jiltaqa’ magħhom.
Robert Abela fakkar kif il-Gvern ħa deċżijoni importanti li permezz tagħha l-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija jibqgħu stabbli. Dan filwaqt li nnota wkoll dak li riedet l-Oppożizzjoni li jekk il-prezz jogħla barra jogħla f’pajjiżna. Abela stqarr li dan kien ikun ifisser żieda fl-enerġija biss ta’ elfejn ewro fis-sena għal familja medja.
Apparti minn hekk, il-poplu Malti kien ikun suġġett ukoll għal prezzijiet eżorbitanti tal-fjuwil, fejn kull vettura medja kienet tiswa mal-elf ewro aktar f’sena biex tingħata l-fjuwil.
F’dan iż-żmien, il-Gvern ta wkoll l-ogħla żieda fil-pensjonijiet u żieda ta’ benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja għal dawk l-aktar vulnerabbli, barra l-COLA li baqa’ jingħata b’mod normali. Il-Prim Ministru nnota li kienu l-prinċipji tal-Partit Laburista li xprunaw dawn il-miżuri soċjali, inkluż fiż-żidiet fiċ-Children’s Allowance.
Dwar il-fenonmenu li f’numru ta’ każijiet il-prezzijiet ta’ affarijiet ta’ kuljum huma superfiċjali fejn appella biex ħadd ma jipprofitta minn din l-isfida, fosthom fl-oqsma tal-mediċina u tal-ikel. Dan filwaqt li nnota li f’ħafna każijiet l-inflazzjoni hija waħda importata minħabba l-karatterisitiċi ta’ pajjiżna.
Student tar-raba’ sena fl-Università ta’ Malta li qed jistudja l-mediċina, staqsa lill-Prim Ministru rigward id-diċentralizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa u aktar investiment fir-riżors uman.
Dr Abela stqarr kif l-investiment fin-nies jibqa’ ta’ prijorità fejn fakkar in-numru ta’ ftehimiet kollettivi lil diversi professjonisti fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li rringrazzjhom tas-servizz li huma jagħtu ta’ kuljum.
Il-Prim Ministru fakkar kif sal-aħħar tal-leġiżlatura l-pajjiż għandu jkollu berġa tas-saħħa f’kull lokalità, anki kif stipulat mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li kien xprunat mill-prinċipju ta’ soċjetà ġusta.
Rigward is-saħħa mentali, Dr Abela tkellem dwar l-indirizz li għamel fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York ftit tal-ġimgħat ilu. Hu fakkar dwar il-helpline li twaqqfet għal dan il-għan apparti li s-saħħa mentali trid tkun indirizzata b’mod ħolistiku u mhux f’termini ta’ servizzi offruti biss.
Għat-tweġiba li saritlu mis-Sindku tal-Marsa rigward ir-rimi ta’ skart b’mod illegali, il-Prim Ministru rrikonoxxa din l-isfida u nnota li hu tajjeb li jkompli jsir l-infurzar. Dan apparti li appella għal aktar sens ċiviku u rispett lejn il-komunità. Abela nnota wkoll il-progress li qiegħed isir fejn il-poplu qiegħed kull ma jmur jirriċkla aktar.
Hawnhekk, il-Prim Ministru tkellem dwar il-viżjoni li għandu l-Gvern Laburista li fost l-oħrajn jagħmel riżorsa mill-iskart u deċiżjonijiet aktar diffiċli li iżda jħallu l-frott tagħhom bħall-infurzar.
Għall-mistoqsija li saritlu minn omm u studenta fl-Università ta’ Malta rigward is-settur edukattiv u dak tax-xogħol, Robert Abela nnota li l-Gvern se jibqa’ jinvesti f’dawn is-setturi.
Dr Abela stqarr li fid-diskussjonijiet li qegħdin jwittu t-triq għall-baġit, qed issir l-enfasi dwar il-qasam soċjali, li se jkun fuq quddiem nett ta’ dak li se jkun fih il-baġit.
Huwa nnota l-importanza wkoll li wieħed jibqa’ jinvesti fl-edukazzjoni tiegħu tul ħajtu kollha biex wieħed jibqa’ jtejjeb il-ħiliet tiegħu.
Għall-mistoqsija li saritlu minn studenta, dwar ix-xiri tal-ewwel l-propjetà tagħhom, Dr Abela nnota li l-fatt li filwaqt li l-Gvern jifhem l-isfidi fis-settur tal-propjetà, irid jibqa’ jappoġġja lil dawk li ma jistgħux jaċċessawh. Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar d-diversi miżuri fosthom l-għajnuniet lill-first time buyers.
Għall-ġejjieni, Robert Abela innota l-importanza li n-nies jinvestu fi propjetajiet battala u fil-qalbiet tal-irħula Maltin u Għawdxin flok fuq artijiet verġni, fejn ukoll daħlu fis-seħħ diversi inċentivi fiskali.
Żagħżugħ ieħor staqsa lill-Prim Ministru dwar il-proġetti pedonali. Il-Prim Ministru wieġbu kif bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li jindirizza numru ta’ sfidi fosthom l-estetika tal-ibliet u l-irħula u t-traffiku fost l-oħrajn.
Għall-aħħar mistoqsija li saritlu dwar il-ftuħ tal-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jkompli jintensifika l-ħidma tiegħu b’risq il-futur ta’ pajjiżna.