Fit-tieni jum tas-Summit tal-Kunsill Ewropew Speċjali li qed jiddiskuti l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, u l-pjan ta’ rkupru għal wara l-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jinsab determinat li jkompli jaħdem fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi, biex iġib żewġ pakketti li verament jixirqu lil pajjiżna.
Fi Brussell, il-Prim Ministru spjega li matul id-diskussjonijiet tal-Ġimgħa ġie rreġistrat progress, u ġie deċiż li jieqfu mal-lejl u jkomplu s-Sibt filgħodu.
F’dawn il-laqgħat, il-mexxejja Ewropej daħlu aktar fil-fond tal-proposti ġodda mressqa mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, f’tentattiv li jintlaħaq kompromess dwar iż-żewġ budgets.
Fid-diskussjonijiet li saru sa issa, spikka n-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi dwar l-ammonti li għandhom imorru għal kull pajjiż.
Il-Prim Ministru Malti qal li l-problema prinċipali ddur mal-fond ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija, hekk kif l-Olanda qed tinsisti fuq il-prinċipju tal-Governanza tal-fond.
Huwa qal: “Jekk nieħdu t-Taljani jridu metodu aktar rilassat ta’ kif wieħed jaħdem f’dan il-proċess, l-Olandiżi jridu metodu aktar strinġenti u allura fejn wieħed se jsib il-bilanċ. Wieħed irid jifhem dawn iż-żewġ pożizzjonijiet imma fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid isib il-punt ta’ żblokk inkella se nispiċċaw id-diskussjoni ta’ dal-weekend u ngħidu li ma ftehmniex. Jien nibqa’ ottimist li hemm lok ta’ fejn wieħed jista’ jilħaq bilanċ u jara l-pożizzjonijiet rispettivi li nistgħu nikkonkludu dwarhom.”
Il-Prim Ministru fakkar li f’dawn il-laqgħat qed jiġu diskussi żewġ budgets: dak tradizzjonali għas-seba’ snin li ġejjin, u l-budget ta’ wara l-COVID-19.
Dr Abela sostna: “Fiż-żewġ pakketti rridu naraw li aħna nġibu deal sodisfaċenti għal pajjiżna minkejja li l-kriterji li jintużaw kemm għall-MFF u għall-RRF qed jintużaw kriterji li s-suċċess ta’ pajjiżna jaħdem kontrina, aħna se nibqgħu ninsistu li jkollna deal b’saħħtu għal pajjiżna li jrid jiżboq dak li kellna fis-seba’ snin li għaddew. Mhuwhiex faċli għax in-numri did-darba huma kontrina imma nibqgħu naħdmu, nibqgħu nipperseveraw sabiex inġibu dak li verament jixraq lil pajjiżna.”
Kulma jmur qed tikber il-possibilità li l-mexxejja Ewropej imorru lura lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom mingħajr qbil, u jerġgħu jiltaqgħu lejn l-aħħar tax-xahar.
Il-pożizzjoni ta’ Malta hija waħda ċara – dik li l-ftehim aħħar jkun wieħed ġust li jagħraf ir-realtà ta’ Malta u d-dipendenza tagħha fuq it-turiżmu, minkejja li fl-aħħar snin kellha tkabbir ekonomiku bla preċedent.