“Illum għandkom ix-xorti ta’ gvern bi prinċipji ta’ ġustizzja soċjali li l-aspirazzjonijiet tagħkom irid jagħmilhom realtà. Però tistriħux fuq hekk. Taħsbux li kollox jista’ jsir waħdu. Xammru l-kmiem u aħdmu għal dak li temmnu fih. Għal dak li nemmnu fih.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali taż-Żgħażagħ Laburisti fejn emfasizza kif id-deċiżjonijiet tajbin iwasslu għall-futur kif jixraq għal-lum, kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Żewġ eżempju li semma l-Prim Ministru li jixhdu dan kollu huma l-ftehim ġdid għall-infermiera tagħna li se jwasslu għall-pagi u allowances aħjar għall-eluf ta’ persuni li jaħdmu fis-settur tas-saħħa pubblika. Pazjent moqdi aħjar. Familji ta’ dawn il-ħaddiema li jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Li jistgħu javvanzaw fil-karriera u jkollhom sodisfazzjon. Dan xhieda kbira tad-differenza fil-ħajja tan-nies. Eżempju ieħor huwa ż-żjara tat-tmien Mexxejja Ewropej li se jżuru pajjiżna f’għeluq din il-ġimgħa.
“X’juri dan? Juri li lanqas iċ-ċokon ta’ pajjiż m’għandu jillimitana milli nkunu leaders. Bħal m’għamilna diġà fid-drittijiet ċivili. U nista’ nibqa’ nagħti aktar eżempji. Però, kull darba li wasalna tafu x’kien hemm komuni? Ir-rieda. It-twemmin. L-attiviżmu. Fuq kollox is-sens qawwi li għandna ġewwa fina li nfasslu l-futur it-tajjeb, ‘getting the future right.’
Robert Abela appella liż-żgħażagħ biex jistaqsu lilhom infushom b’mod kontinwu l-mistoqsija: Għaliex qegħdin hawn? Biex inkunu komdi aħna? Jew biex inġibu l-bidla?
“Meta nġibu quddiem għajnejna lil pajjiżna, il-ġenerazzjonijiet futuri, jien ngħid li l-urġenza li dan il-partit jibqa’ fuq quddiem nett tal-attiviżmu qiegħda hemm daqs qabel. Għaliex min jista’ jwettaq il-ġustizzja soċjali jekk mhux dan il-partit? Min jista’ jġib il-bidliet jekk mhux dan il-partit? Min ħoloq il-problemi ta’ għaxar snin ilu, ma jistax jindirizza l-isfidi tal-lum. Min il-problemi ta’ għaxar snin ilu biddilhom f’opportunitajiet, illum jista’ jfassal il-futur.U dak li rridu nseddqu flimkien f’dan il-partit. Għalhekk irriu nsaħħu lil Malta Tagħna.”