“Aħna konna, għadna u se nibqgħu l-Gvern li nieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġużi f’pajjiżna.”
Hekk iddikjara l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt intervista fil-bulettin tas-7:30 ta’ ONE.
F’din l-intervista, il-Ministru Attard semma kif illum iddaħħal l-avviż legali li, permezz tiegħu, għall-ewwel darba f’pajjiżna se tiddaħħal il-liċenzja tal-kuntratturi.
Il-Ministru Attard qal li din se tkun qed tgħolli l-istandards fis-settur u hija parti minn katina ta’ riformi li qed jagħmel Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Qal li din tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, meta wkoll twaqqfet inkjesta oħra, taħt l-Att tal-Inkjesti, fil-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Sadanittant, dwar l-attakk li għamel l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kontra l-Avukat Ġenerali, il-Ministru għall-Ġustizzja kkundanna dan l-aġir meta qal li Dr Victoria Buttigieg kienet qed tagħmel xogħolha.
Hu nnota wkoll id-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u dawk ta’ Repubblika, waqt li l-Gvern qed jiddefendi l-interessi tal-poplu.