“L-importanza li nibqgħu Gvern iffokat kif kuljum se jgħin lin-nies b’għajnuna li trid tkun mibnija fuq l-esperjenzi reali tan-nies u għalhekk appell tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin hawnhekk illum. Intom li ġejtu hawnhekk biex tissieħbu f’dan il-partit, intom li ġejtu hawnhekk biex tgħinuna bil-ħidma volontarja tagħkom. Isimgħu mingħand in-nies, ejja ħa nibqgħu niddjalogaw man-nies, ejja ħalli nisimgħu x’inhuma l-weġgħat iżda wkoll l-aspirazzjonijiet tan-nies u nibqgħu dejjem viċin tagħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela quddiem folla sabiħa li attendiet għall-open day tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hawnhekk fakkar kif, mill-bidu ta’ Frar, se jidħol fis-seħħ it-tielet patt soċjali, li se jwassal għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel essenzjali u dan quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Dr Abela sostna li dan se jidħol fis-seħħ wara li kien jingħad li kien impossibbli li jsir u hawnhekk sostna li Gvern Laburista ma jħalli lil ħadd waħdu.
Il-Prim Ministru semma kif il-pajjiż jinsab għaddej b’saħħtu, l-istess kif imwiegħed mill-Gvern, u kif jixhduh ir-rapporti ekonomiċi dwar pajjiżna.
Hu sostna dwar l-importanza li l-ekonomija tibqa’ għaddejja b’saħħitha, għax permezz tagħha, il-Gvern qed ikun ġust ma’ kulħadd – b’miżuri maħsubin li jgħinu kemm lill-pensjonanti, liż-żgħażagħ u lill-familji.
Il-Prim Ministru tenna li, fejn ħaddieħor jaqta’ qalb in-nies bin-negattività tiegħu, il-Gvern, immexxi minnu, baqa’ jaħdem biex jagħmel dak li ħaddieħor qal li hu impossibbli. Dan issarraf fl-akbar ġid nazzjonali, li qed igawdi minnu kulħadd, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent. Qal li dan hu riżultat ta’ Gvern magħqud li qed iġġib ir-riżultati.
“Huwa għalhekk ukoll li bħala partit li rridu nibqgħu aħna li noffru t-triq ’l quddiem, bħal m’għamlu eżatt dawk ta’ qabilna. Aħna rridu nibqgħu nkunu l-aġenti tal-bidla, l-aġenti l niskusjaw lill-istatus qou, dak il-partit li jibqa’ jbiddel għaliex huwa għalhekk li l-poplu konsistentament tagħna fiduċja b’saħħitha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hu rrefera wkoll għall-istorja sabiħa li għandu l-Partit Laburista u semma kif sa, mit-twaqqif tiegħu, il-Partit ħadem favur il-bidliet u r-riformi, kif kienet il-viżjoni ta’ missirijietna.
“Għax dan partit fil-Gvern li huwa mimli ideat. Dan partit fil-Gvern li huwa mimli enerġija. Dan partit fil-Gvern li huwa mimli b’imħabba għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Ejja ħalli flimkien nibqgħu nġibu bidla pożittiva għall-poplu tagħna. Bidla pożittiva li jgawdi minnha kulħadd u ejjew ħalli flimkien nibqgħu nsaħħa Malta tagħna. Grazzi minn qalbi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela