“Se nibqgħu d-dawl li jiġġieled id-dlam.” Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’diskors li għamel waqt il-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Huwa tkellem dwar kif issa pajjiżna, bħall-kumplament tad-dinja, qed jaffaċċja sfidi kbar, iżda dawn ukoll pajjiżna jinsab lest biex jaffaċċjahom. Qal li, quddiem sfida bħall-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern qed jagħmel l-għażla konxja li kontinwament ikun man-nies u jipproteġihom.
Qal, “U huwa għalhekk li jien nibqa’ ottimist dwar il-futur, u ċ-ċittadini tagħna għandhom ikunu ottimisti dwar il-futur. Mhux biss għelibna sfidi kbar, iżda kien hemm fejn bdilniehom f’opportunità. L-istess se nagħmlu fiż-żmien li ġej. Aħna konna u nibqgħu l-partit tal-progress. Mill-bidu dejjem konna d-dawl li jiġġieled id-dlam. Tajtkom il-kelma, ftit tal-ġimgħat ilu, li din se tkun rebbiegħa li tarana nidħlu f’fażi ġdida f’diversi aspetti. U hekk se jkun.”
Saħaq li Gvern Laburista se jibqa’ ffukat biex isib is-soluzzjonijiet quddiem dawn l-isfidi. Kif sar fl-aħħar snin, pajjiżna se jkompli jibdel l-isfidi f’opportunitajiet.
Spjega, “Il-kelma tiegħi hi li t-tmexxija tagħna se tibqa’ ffukata fuq il-pajjiż, fejn infittxu s-soluzzjoni għall-futur u nibqgħu nkunu l-partit tal-aspirazzjoni. Ħaddieħor quddiem l-isfidi jagħżel li jaqta’ l-qlub; aħna ndaħħlu t-tama.”
F’diskorsu l-Mexxej Laburista fakkar kif il-Partit Laburista jrid jibqa’ jġib il-bidla f’ħajjet in-nies. Dan kif għamel f’bidliet kbar bħall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament. Qal ukoll li xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-partit hi li fil-ġlidiet għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, qatt ma kien passiv iżda, dejjem kien protagonist.
Qal, “Bħala Konferenza Ġenerali irridu kontinwament infakkru u nżommu f’moħħna kemm huma kruċjali t-tiġdid u l-bidla biex nibqgħu noffru tmexxija kredibbli u soda għal pajjiżna. Għax irridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu. mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza iżda biex, fuq kollox, intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”
Dr Abela spjega kif, minn wara l-elezzjoni ġenerali, diġà beda eżerċizzju li permezz tiegħu l-Partit qed ikompli jittrasforma ruħu filwaqt li jisma’ lil kull min seta’ tħalla ddiżappuntat, inklużi nies li appoġġjaw lill-istess partit fl-imgħoddi.
Huwa tkellem dwar l-importanza li gvern Laburista jibqa’ jisma’, ikun umli, u jikkomunika. Saħaq ukoll fuq l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet deċiżivi għall-ġid ta’ pajjiżna.
Qal, “Irridu nisimgħu, inkunu umli, u nikkomunikaw. Ma jfissirx li se naqblu dejjem jew li se naqilgħu l-prosit minn kulħadd il-ħin kollu. Ma jfissirx li mhux se jkun hemm fejn niġu kkritikati minħabba deċiżjoni jew oħra jew li mhux se jkun hemm diskussjoni taħraq jew kontroversja. Iżda, sakemm dik id-deċiżjoni tkun ittieħdet fl-interess ta’ pajjiżna rridu nispjegaw mingħajr ma nkunu suppervi. Iva, nisimgħu t-tħassib tan-nies imma fl-istess ħin niddeċiedu. Għax hekk toħloq l-impjiegi, hekk toħloq il-ġid, hekk timmodernizza l-pajjiż. Min ma jiddeċidix, ifalli.”