Fl-ewwel diskors tagħha minn meta ġiet eletta bħala l-iżgħar Membru Parlamentari Ewropew f’isem Malta u l-ewwel waħda minn Għawdex, Josianne Cutajar kellha kliem ta’ apprezzament lejn dawk li wrew fiduċja fiha u wegħdet li se tibqa’ viċin in-nies.
“Kont l-ewwel waħda li kkritikajt lill-Unjoni Ewropea għax mhix soċjali u mhix viċin in-nies, u issa se nibda jien b’politika verament tan-nies,” qalet Cutajar f’raħal twelidha, in-Nadur.
Fi kliem Cutajar il-politika tagħha hija ispirata mill-imħabba lejn il-pajjiż u l-imħabba lejn il-familji Maltin u Għawdxin għalhekk trid li tkompli tagħti t-tama. Tama li l-poplu għażel fuq il-qtigħ il-qalb, bħalma għażel l-għaqda fuq il-firda u għażel it-tmexxija ta’ Joseph Muscat fuq il-konfużjoni ta’ ħaddieħor.
L-iżgħar Membru Parlamentari Ewropew Maltija tefgħat dawl fuq l-isfidi ewlenin li għandna quddiemna għas-snin li ġejjin. Hawn semmiet il-politika tal-mibegħda u estremiżmu li nfirxet fl-Ewropa u anke fostna, ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-klima, is-sigurtà, id-delizzji tagħna u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Josianne Cutajar sellmet lill-bqija tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew. Saħqet li nistgħu nagħmlu suċċess quddiem l-isfidi li jeżistu għax dan il-Partit mhux kuntent biss b’dak li kiseb. Dan il-Partit iffukat fuq li għada jkun aħjar mil-lum. Hawn fissret kif filwaqt li tinsab kuntenta ħafna bil-ġudizzju tal-poplu tal-lum, bħala politiku responsabbli tħares ’il quddiem lejn il-ġudizzju tal-pajjiż u tas-soċjetà li se tħalli warajha.
Bħala Għawdxija wegħdet li se tara li permezz tal-ħidma tagħha l-Unjoni Ewropea tagħti l-attenzjoni speċjali li jeħtieġ u jixraqlu post ċkejken bħal Għawdex.
Josianne Cutajar kellha kliem t’apprezzament lejn l-elettorat talli għaraf li ma kienx biss Għawdex li kellu bżonn Membru Parlamentari Ewropew imma kienet ukoll Malta, li għarfet il-valur ta’ rappreżentanza b’saħħitha li tħares l-interess tagħna bħala pajjiż wieħed.