“Se nibqa’ ninvesti fin-nies.” Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela quddiem folla numeruża li nġabret għal attività politika fl-Imqabba.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela spjega kif il-Gvern irnexxielu jirrikonoxxi r-realtajiet ta’ kulħadd u hawnhekk joħroġ il-kobor tal-moviment għaliex qatt m’għalaq għajnejh jew injora dawn ir-realtajiet.
Il-Prim Ministru tenna, “Mingħajr in-nies dan il-moviment m’huwa xejn. Huma n-nies li jagħtuna s-saħħa biex immexxu u t-tmexxija ta’ dan il-Partit, ta’ dan il-moviment trid tkun iffokata fuq in-nies.”
Il-Mexxej Laburista rrefera għall-miżura t’appoġġ li tħabbret aktar kmieni din il-ġimgħa, li rat investiment dirett ta’ sebgħin miljun ewro fil-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern ħadem bilgħaqal u kien imnebbaħ mill-prinċipju li l-piż ma jġorrux il-poplu.
Fil-fatt, lil dawk li qalu li din il-miżura tħabbret għax ġejja l-elezzjoni, il-Prim Ministru weġibhom hekk.
Huwa qal, “Sħabna tal-Partit Nazzjonalista qalulna ‘iva tajtu sebgħin miljun ewro, imma għax ġejja l-elezzjoni’, u jien inweġibhom u ngħidilhom mela ilha ġejja l-elezzjoni għax ilna nsostnu u ngħinu lin-nies f’kull waqt. U jekk il-poplu jerġa’ jafdani bit-tmexxija tal-pajjiż, hekk se nibqa’ nagħmel, se nibqa’ ninvesti fin-nies, se nibqa’ nimbotta ’l quddiem ir-riformi, m’inix se nikkuntenta b’dak li ksibna għaliex nemmen li nistgħu niksbu ħafna iżjed.”
Dr Abela sostna li fl-aħħar sentejn, Gvern Laburista ma ħalla lil ħadd jaqa’ lura u saħaq li qatt mhu se jħalli lil ħadd waħdu.
Hawnhekk semma l-kriżi internazzjonali tal-prezzijiet tal-fjuwil u l-gass u kif għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, f’pajjiżna dawn il-prezzijiet baqgħu stabbli grazzi għal deċiżjoni strateġika ta’ Gvern Laburista.
Fl-Imqabba, il-Prim Ministru aċċenna għal diversi proġetti li saru fl-aħħar ħames snin, b’mod partikolari f’din il-lokalità u bliet u rħula tal-madwar.
Fosthom l-għeluq tat-tankijiet f’Birżebbuġa, il-proġett ta’ spazju miftuħ f’Bengħajsa u r-rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija.
Il-Mexxej Laburista ta l-kelma tiegħu li din il-ħidma se tkompli u ħabbar li se jikkontesta fuq il-ħames distrett għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Robert Abela stqarr, “Mhux biss il-kelma tiegħi ħa nagħtikom imma nitlob il-fiduċja tagħkom ukoll biex nirrappreżentakom jien ukoll fuq dan id-distrett għax irrid nagħtikom il-garanzija personali tiegħi biex dak li bnejna, inkomplu nibnu fuqu.”
Il-Prim Ministru radd ħajr lill-Qriema, li trabba u ħadem magħhom u sostna li qatt mhu se jinsihom.
Dr Abela qal li sa erba’ xhur oħra tkun saret l-elezzjoni u sostna li dan il-vjaġġ jibda xejn b’xejn.
Il-Prim Ministru qal li se jkun minn tal-ewwel li jinżel qalb in-nies biex jisma’ u jgħin, filwaqt li wiegħed li l-moviment Laburista se jibqa’ umli u kburi bil-konsistenza tiegħu għaliex miegħu, in-nies jafu fejn qegħdin.
Il-Prim Ministru temm jgħid, “Pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu imma rridu naħdmu għalih flimkien. Kull wieħed u waħda minna jrid jingħaqad biex il-moviment tagħna jkompli jagħmel il-ġid, Għawdxin u Maltin flimkien, ħadd ma jista’ jwaqqafna fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħna, flimkien nistgħu nkomplu nibnu l-pajjiż b’suċċess. Flimkien nistgħu nkomplu niksbu dak li s’issa għadna ma ksibniex flimkien.”