B’dawn il-bidliet ambizzjużi, se nkunu qed ngħixu f’soċjetà li tħaddan l-inklużjoni.
Hekk iddeskriva l-proposti pożittivi li għandhom l-għan li jżidu r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Innota li l-mekkaniżmu propost għandu l-għan li jżid ir-rappreżentanza femminili fil-ħajja pubblika, filwaqt li jżid it-tħaddin demokratiku mingħajr ma jċaħħad lil ħadd mid-drittijiet tiegħu.
Assigura li ħadd mhu se jieħu post ħadd, u li l-membri parlamentari kollha se jkunu eletti mill-poplu.
Saħaq li l-pajjiż għandu bżonn aktar ideat diversi biex f’pajjiżna jkompli jitkattar il-ġid.
“Bidliet bil-għan li nixxokkjaw is-sistema preżenti li nieħdu forgranted u li nżidu l-ugwaljanza fil-pajjiż. Mhux qed nitkellmu biss li b’mod fiżiku jkollna aktar nisa fil-Parlament iżda qed nitkellmu fuq id-diversita ta’ perspettivi u opinjonijiet. Minn din id-diversita se jiggwadanja kulħadd,” qal il-Prim Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar il-biżgħat naturali li jaqtgħu qalb mara biex tidħol fil-politika, iżda tenniet li jekk hi mara u omm u qiegħda fil-politika, nisa oħra jistgħu jagħmlu l-istess.
Meta tkellmet dwar il-Parlament, b’dispjaċir innutat li f’binja ta’ disgħin miljun ewro, m’hemmx postijiet addattati għat-tfal, u saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm ambjent li jista’ jilqa’ lil ulied il-Membri Parlamentari.
Fuq kollox qalet li d-dokument li tnieda t-Tlieta se jindirizza l-vojt li nġema’ tul is-snin.
“Għandna sitwazzjoni fejn fil-Parlament Malti għandna biss għaxar nisa. Tul tnejn u sebgħin sena kellna biss sebgħa u għoxrin mara u nemmen li għandna nibdew minn issa biex nikkoreġu dan id-defiċit. Għandna mira internazzjonali impenjattiva li fil-ħdax-il sena li ġejjin irridu nkunu lħaqna l-mira li wiegħdna li nagħmlu mal-Ġnus Magħquda,” qalet Julia Farrugia Portelli.