Il-President Amerikan Joe Biden qal lill-President Ukren, Volodymyr Zelenesky, li l-Istati Uniti se tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna kemm hemm bżonn, waqt li ħabbar pakkett ta’ għajnuna li jiżboq iż-żewġ biljun dollaru Amerikan.
Din l-aħbar waslet wara li l-President Ukren żar Washington, l-Istati Uniti fejn iltaqa’ mal-President Amerikan fost l-oħrajn. Din kienet l-ewwel żjara barra l-Ukrajna li huwa għamel minn mindu bdiet il-gwerra.
Huwa indirizza wkoll lil Kungess Amerikan fejn esprima t-tama tiegħu li l-Kungress japprova pakkett ta’ għajnuna addizzjonali li jlaħħaq il-ħamsa u erbgħin biljun ewro, biex jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi l-valuri u l-indipendenza tagħha, qal Zelensky.
Madanakollu, ir-Repubblikani, li minn Jannar se jkollhom il-kontroll tal-Kungerss wissew li mhux se jkunu qed jiktbu xi ‘blank cheque’ għall-Ukrajna.
Iż-żjara ta’ Zelensky fl-Washington kienet irraportata wkoll mix-xandir Russu, li ddeskriva lil din iż-żjara bħala waħda dgħajfa għaliex skonthom turi lil Zelensky jittallab mingħand l-Amerikani.