Il-Kummissjoni Ewropea (KE) wieġbet għall-pressjoni li saret mill-Membri Parlamentari Ewropej – fosthom Josianne Cutajar – u mill-istati membri b’pakkett ta’ miżuri b’saħħithom intiżi biex jgħinu lilhom u lin-negozji fl-Ewropa jiffaċċjaw l-isfidi li qiegħed iġib miegħu l-COVID-19.
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali fil-Parlament Ewropew, li tifforma parti minnu Cutajar, qed jaħdem ukoll fuq pakkett ta’ miżuri fl-istess proposta tal-Kummissjoni, liema miżuri huma mistennija li jiġu adottati fil-futur qarib.
Il-Membru Parlamentari Ewropew fissret kif b’emendi fir-regolamenti dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Unjoni Ewropea se tħalli xejn inqas minn €37 biljun fl-ekonomija Ewropea. Dawn il-fondi huma maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi jlaħħqu ma’ spejjeż kbar marbuta mas-servizz tas-saħħa u biex jassistu lin-negozji.
Dan se jsir, fost oħrajn, permezz ta’ emenda li għal din is-sena tippermetti lill-istati membri li jżommu l-fondi Ewropej li ma ntefqux fil-baġit lokali. B’hekk, fondi allokati taħt il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ser jibqgħu parti mill-baġit lokali tal-pajjiż.
B’sodisfazzjon, Cutajar enfasizzat ukoll illi permezz ta’ emenda lir-regolament dwar il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, se jiġu megħjuna dawk il-pajjiżi Ewropej li se jkunu ntlaqtu mit-tixrid tal-pandemija COVID-19.
“B’din l-inizjattiva, se nintroduċu l-kunċett ta’ emerġenza maġġuri għas-saħħa pubblika bħala kriterju ieħor biex pajjiż jingħata l-fondi mill-Fond ta’ Solidarjetà,” stqarret Cutajar. Dan il-fond s’issa kien intenzjonat l-aktar biex il-pajjiżi membri jindirizzaw problemi kkawżati minn diżastri naturali bħall-għarar, terremoti, u nixfa.
Wara l-pressjoni li saret anke minn Cutajar il-KE ħabbret ukoll li se tkun qed ittaffi r-regoli dwar għajnuna tal-istat li s’issa jorbtu ħafna jdejn il-gvernijiet milli jassistu kumpaniji stabbiliti fil-pajjiżi membri.
Il-Grupp tal-pajjiżi taż-żona Ewro wkoll iddiskutew miżuri li jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-impatt ekonomiku. Fil-fatt f’diskussjoni dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ingħata sinjal li se tkun permessa flessibilità kbira.
“Huwa minnu li fil-mument ma nistgħux nkejlu l-impatt sħiħ tat-tixrid tal-pandemija fuq l-ekonomija Ewropea, imma b’dawn il-miżuri li qed niksbu żgur se ngħinu lin-negozji jiffaċċjaw l-isfida reali tal-likwidità,” qalet Josianne Cutajar.
Josianne Cutajar saħqet li f’dan il-mument, il-prijorità tibqa’ li l-pazjenti milquta mill-virus jingħataw l-aqwa kura, filwaqt li t-tixrid jiġi kkontrollat.
“Importanti wkoll li nassistu lin-negozji f’mument ta’ kriżi mingħajr preċedent; dan ikun ifisser li nħejju għal inqas instabbiltà, u nagħtu ftit aktar serħan-il moħħ lill-ħaddiema u l-familji tagħhom,” temmet tgħid Cutajar.