Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Developers Association, ftit ġimgħat wara li f’Kastilja ntlaqgħu numru ta’ banek u l-MDA, biex għall-ewwel darba jsir studju sponsorjat fuq l-industrija tal-bini.
Qal li proġett ta’ stħarriġ tal-KMPG se jevalwa s-settur tal-kostruzzjoni kemm jiflaħ fil-futur. Il-Prim Ministru qal li qatt ma ddejjaq jgħid li dan il-qasam huwa kruċjali għall-ekonomija. Minkejja li din trid tkun inċentivata b’affarijiet ġidda, il-kostruzzjoni jrid jibqa’ parti mill-bażi tal-ekonomija.
“Id-diskussjoni llum hija kemm nifilħu” sostna Joseph Muscat. Qal li jeħtieġ li l-poplu jkun konvint li din l-industrija toħloq l-impjiegi u l-ġid. Jeħtieġ kapitlu ġdid li jadatta għal domandi ġodda, kompla jgħid il-Prim Minsitru, filwaqt li faħħar lill-MDA tal-ideat li qed toħroġ bihom. “Qedin f’sitwazzjoni li nippjanaw għal għaxar u ħmistax-il sena oħra” żied jgħid.
Tkellem ukoll dwar ir-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet, fejn issa hemm awtorità ġdida. Qed jidħlu modi ġodda ta’ kif isiru l-istimi tal-art, u din is-sena bdiet tiġi ndirizzata l-kwitstjoni tal-kirjiet. “Ħriġna lis-settur mill-ekonomija s-sewda” qal il-Prim Ministru, filwaqt li għaraf li hemm ħafna barranin fis-settur. Iddeskrivih bħala sinjal li l-ekonomija qed taħdem, u li n-nies imorru fejn hemm ix-xogħol u l-ġid.
Il-Prim Ministru qal li se jitnedew numru ta’ skemi ġodda din is-sena, li jinċentivaw kirjiet raġjonevoli.
“Se nagħmlu kollox b’mod sostenibbli” stqarr Joseph Muscat, u qal li dan il-Gvern fetaħ il-bieb u firex it-tapit, filwaqt li l-iżiluppaturi għamlu l-ħidma. “Il-quddiem niftħu aktar bibien” temm jgħid il-Prim Ministru.