Waqt sessjoni plenarja straordinarja fil-Parlament Ewropew li mmarkat l-elf jum mill-bidu tal-kunflitt internazzjonali bejn ir-Russja u l-Ukrajna, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba sostna kif Roberta Metsola fl-indirizz tagħha għażlet li tkompli tilgħab mal-paċi u l-istabbilta’ politika u soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Whatever it takes… as long as it takes” kienu l-kliem preċiżi li qalet il-President tal-Parlament Ewropew f’din is-sessjoni plenarja straordinarja, waħda mill-ħafna li saru dwar kif l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tappoġġja dak kollu li l-istat Ukren ikollu bżonn sakemm hemm bżonn.
Filwaqt li d-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba stqarr li jemmen li l-għajnuna għandha tingħata dejjem, spjega kif statements bħal dawn iġegħluk tistaqsi jekk il-prinċipji tal-paċi u n-newtralita’ għadhomx l-għanijiet ewlenin tal-Parlament Ewropew.
“Għaliex ma ntużatx l-istess enerġija dwar il-ġenoċidju f’Gaża u l-massakru fejn intilfu għexieren ta’ ħajjiet?” temm jgħid il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba.