Se titwaqqa l-binja ta’ Freedom Press, li kienet tintuża bħala kwartieri tal-Partit Laburista qabel il-Maċina.
Dwar din il-binja tkellimna ma’ Felix Agius li kien editur tal-gazzetta tal-Oriżżont u magħna qasam il-memorja tiegħu tal-Freedom Press li mhux biss kienet tintuża bħala kwartieri. Huwa spjegalna li f’din il-binja kien isir ukoll l-istampar tal-gazzetta Iż-żmien, li kienet gazzetta li tiġi ppublikata kuljum mill-Partit Laburista. Felix, beda l-karriera ġurnalistika tiegħu propju fl-eks-kwartieri Laburista fl-1969.
Iżda l-memorja tiegħu tiftakar ukoll id-diskorsi li għalihom baqa’ magħruf il-Perit Dom Mintoff.
Dawn id-diskorsi kienu jsiru fis-sala tal-istess binja. Diskorsi li kien jagħmel fil-konferenzi ġenerali annwali u fil-laqgħa ġenerali taż-żgħażagħ.
Il-bini ta’ Freedom Press ser jitwaqqa’ fil-lejl bejn il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar mid-9.00 ta’ filgħaxija u s-Sibt 7 ta’ Jannar 2017 fil-5.00 ta’ filgħodu. Għal raġunijiet ta’ sigurta’ waqt it-twaqqiegħ tal-bini, Triq il-Labour ser tingħalaq għat-traffiku. Il-karozzi ż-żgħar minn Triq Aldo Moro għan-naħa t’isfel ta’ Malta ser jgħaddu jew miż-żona industrijali li ser tkun miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet jew mid-Dock 7. It-trakkijiet ser jgħaddu miż-żona industrijali biss.
Meta jitlesta t-twaqqiegħ tal-bini, ser jiġi implimentat xi tibdil fit-traffiku b’mod temporanju sal-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017 fl-4.00 ta’ waranofsinhar. It-traffiku fi Triq il-Labour ser jgħaddi minn żewġ karreġġjati filwaqt li ż-żona industrijali mhux ser tiġi affettwata. It-traffiku fi Triq Aldo Moro ser jgħaddi minn żewġ karreġġjati sat-traffic lights u jkompli għaddej bħas-soltu minn hawn ‘l quddiem.