Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mis-6 ta’ Settembru se jibdew isiru avvenimenti bilwieqfa fuq barra, kif kien tħabbar aktar kmieni, li se jkunu aċċessibbli għal persuni mlaqqma u biċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Dawn l-avvenimenti se jilqgħu sa mitt persuna kull avveniment, li lkoll iridu jilbsu l-maskra u jżommu d-distanza.
Fil-fatt l-organizzaturi se jkunu obbligati jiddedikaw żewġ metri kwadri għal kull persuna bilwieqfa.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta aġġornament tas-sitwazzjoni f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li mit-13 ta’ Settembru se jibdew isiru wkoll avvenimenti għal persuni bilwieqfa fuq ġewwa, li wkoll se jkunu jistgħu jilqgħu sa mitt persuna.
Mill-istess jum, għal dawk l-avvenimenti li jsiru għal persuni bilqegħda, u hemm anqas minn mitt persuna, jista’ jkun hemm metru distanza biss bejn kull grupp.
Għal-ewwel, avvenimenti mħallta mhux se jkunu permessi.
Fl-aħħar ta’ Settembru, u jekk l-attivitajiet ma jirriżultawx f’każijiet oħra, se jkunu qed isiru avvenimenti bi prova b’anqas restrizzjonijiet biex tkun studjata s-sitwazzjoni.
Persuni li se jipparteċipaw f’dan kollu se jkunu obbligati jagħmlu test għall-virus wara xi jiem mill-avveniment ta’ prova.
Dan, qal id-Deputat Prim Ministru, se jwitti t-triq għall-ipjanar tal-festi tal-Milied fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera qal li l-Gvern injetta €5.6 miljun f’sostenn lill-qasam kreattiv, li kien fost l-agħar setturi milquta mill-pandemija.
Hawn ħabbar ukoll li aktar minn 20 attività kulturali xorta saru grazzi għal dan is-sostenn finanzjarju li ġie offrut fost oħrajn mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Hawn qal ukoll li għaddejja ħidma bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u dak tas-Saħħa dwar avvenimenti pilota li se jesgħu sa tliet mitt persuna.
Dawn iż-żewġ avvenimenti pilota se jsiru bħala studju biex iservu wkoll ta’ pjattaforma biex ikun hemm studji xjentifiċi li jappoġġjaw dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet.
Kull persuna li se tkun preżenti f’dawn l-avvenimenti se tkun mlaqqma u tkun obbligata tieħu test għall-virus jiem wara, skont ftehim.
Hawn ta ħajr ukoll fost oħrajn lil Festivals Malta li dan iż-żmien xorta organizzat attivitajiet biex anke ssostni lill-artisti.
Il-Ministru Herrera kkonferma wkoll li mill-attivitajiet li saru ma ħareġ l-ebda riskju ta’ żieda fil-każijiet pożittivi tal-virus.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/09/02/id-dpm-jhabbar-li-d-doza-addizzjonali-tal-vaccin-se-tibda-tinghata-minn-gimgha-qabel/