L-Aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta ħejjiet pjan ta’ ħidma mal-kunsilli lokali għat-toroq residenzjali, li permezz tiegħu se jsiru madwar 60 kilometru ta’ toroq residenzjali fis-sena.
L-aġenzija għaddejja b’konsultazzjoni ma’ 54 kunsill lokali f’Malta sabiex tfassal il-pjan nazzjonali sabiex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali madwar Malta.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, tkellem dwar l-importanza li l-poplu jkollu toroq ta’ kwalità tajba u siguri.
Huwa spjega wkoll li l-Gvern se jinvesti €35 miljun li permezz tagħhom se jkompli l-investiment f’infrastruttura li tinkoraġġixxi n-nies jagħżlu mobilità iktar attiva billi jiġu implimentati elementi ta’ ‘cycling infrastructure’ u bl-inkorporazzjoni ta’ infrastruttura li tikkumplimenta l-użu tat-trasport pubbliku.
“Se nkomplu nibnu infrastruttura għan-nies. Illum, f’laqgħa ma’ Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali, iddiskutejna kif huma stess jgħidulna liema toroq jixtiequ li aħna nagħmlu fi żmien li ġej. Qed naraw 60 kilometru ta’ toroq sena wara l-oħra”
L-Aġenzija talbet lill-kunsilli lokali biex jaġġornaw il-listi tat-toroq residenzjali li huma ta’ prijorità għal-lokalitajiet rispettivi tagħhom sabiex jinbnew mill-ġdid bejn is-sena d-dieħla u l-2025.
Għal kull sena, l-aġenzija se talloka lill-kunsilli lokali numru ta’ toroq fil-konfini amministrati minnhom biex isiru xogħlijiet fihom.
Il-kunsili lokali ntalbu wkoll biex jibagħtu l-proposti tagħhom sal-15 ta’ Novembru sabiex, imbagħad, bi qbil magħhom, l-aġenzija tfassal skeda tat-toroq residenzjali li għandhom jinbnew mill-ġdid fit-tliet snin li ġejjin.
Il-Perit Raphael Abdilla spjega li, wara li tkun stabbilita l-lista tal-prijoritajiet tal-kunsilli lokali, l-aġenzija se tiddiskuti mal-entitajiet rispettivi li għandhom infrastruttura tas-servizzi taħt l-art sabiex ix-xogħol kollu meħtieġ għal kull triq jiġi ppjanat ħalli jsir fi proġett wieħed.
“Kull kunsill lokali, skont il-popolazzjoni u l-metru ta’ toroq li jaqgħu taħt il-konfini tiegħu, se jiġi allokat metraġġ kwadru ta’ asfalt u ta’ toroq, li jkopru l-bankini. Se jkunu qed isiru toroq ta’ dan il-metraġġ għat-tliet snin li ġejjin, li huma parti mill-pjan ta’ Infrastrucure Malta.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li dan il-pjan ta’ ħidma bejn Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali se jgħin f’implimentazzjoni aktar effettiva u effiċjenti fit-titjib tal-kwalità tat-toroq residenzjali.
“Dan huwa eżempju ċar u tajjeb ta’ kif l-entitajiet u l-awtoritajiet għandhom jaħdmu id f’id mal-kunsili Lokali u reġjonali fejn fl-aħħar mill-aħħar se jkunu qegħdi igawdu r-residenzi stess minn din il-ħidma ta’ Infrastructure Malta.”