Fis-16 ta’ Lulju se jkunu qed jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jiġi ffaċilitat it-traffiku ta’ dawk li se jkunu qed iżuru l-Belt Valletta u l-Furjana. Dan permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, li se tkun qed tiffaċilita l-proċess fil-jum li fih se tiġi ċċelebrata kemm il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta kif ukoll il-festival tal-Isle of MTV.
Dan bħala parti minn strateġija biex iż-żewġ avvenimenti jsiru mingħajr xkiel u jkunu tal-ogħla livell biex jattiraw l-udjenza rispettivi tagħhom.
Patri Alex Scerri spjega kif kulħadd jista’ jattendi għall-Festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt, li se tkun qed issir fil-jum proprju tagħha, grazzi għal arranġamenti speċifiċi li qed jittieħdu.
“Nappellaw lil dawk li huma mħassbin bex jiġu għal din il-festa, jużaw it-trasport pubbliku li se jkun aktar frekwenti u dawk li se jagħmlu użu mill-karozza tagħhom jgħaddu mit-triq tax-Xatt ta’ Lascaris u jibqgħu għaddejjin lejn Dar il-Mediterran u se jkun hemm ukoll il-Park and Ride u se jkun hemm shuttle service pprovdut.”
Fr Scerri sostna kif, permezz tal-kollaborazzjoni mal-MTA, dawn l-arranġamenti se jkunu qed joffru serħan il-moħħ lil kull min jixtieq jattendi kemm għall-festa kif ukoll għall-festival.
Iċ-Chairman tal-MTA, Gavin Gulia, spjega kif wieħed irid jirrikonoxxi l-importanza taż-żewġ avvenimenti li jsiru ta’ kull sena u li din is-sena nzertaw se jsiru fl-istess jum.
“Se jkun hemm żewġ attivitajiet għaddejjin fl-istess ħin fis-16 ta’ Lulju, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu li hi waħda importanti u kif ukoll tal-Isle of MTV. Aħna rridu li kulħadd igawdi dawn l-avvenimenti, kemm il-Maltin u l-Għawdxin, iżda kif ukoll it-turisti. Għalhekk l-MTA ħadet ħsieb li tissorvelja t-traffiku għaż-żewġ avvenimenti.”
Spjega kif l-MTA se tibqa’ kommessa biex tassigura li l-avvenimenti li jsiru jkunu aċċessibbli u jistgħu jitgawdew minn kulħadd, kemm dawk li jżuru lil pajjiżna, iżda aktar minn hekk miċ-ċittadini lokali.