Sal-aħħar ta’ din is-sena, madwar tlett elef test ta’ CT Scans ħa jiżdiedu mal-eluf li jsiru ta’ kull sena għal pazjenti b’mard tal-kanċer u tal-qalb fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan wara investiment b’saħħtu ta’ erba’ mitt elf ewro li l-għan primarju tiegħu hu li jkompli jpoġġi l-pazjent l-ewwel.
Fil-preżent, fl-Isptar Mater Dei qed isiru madwar 150 CT Scan kuljum permezz ta’ tliet CT Scanners, filwaqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex isiru madwar 150 CT Scan fil-ġimgħa permezz ta’ CT Scanner wieħed.
Għaldaqstant għaddejja ħidma favur espansjoni fl-infrastruttura tas-CT Scanning f’pajjiżna, hekk kif scanners ġodda huma ppjanati fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, f’San Vinċenz de Paul u aktar ’il quddiem fiċ-Ċentru Ċensu Moran f’Raħal Ġdid.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, waqt li ħabbar dan kollu, sostna li qed isir investiment ieħor b’saħħtu fir-riżors uman biex jiġi offrut servizz ta’ kura tal-ogħla kwalità.
Filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti tax-xogħol essenzjali tagħhom, il-Ministru faħħar l-impenn li jieħdu l-professjonisti biex ikomplu jżidu n-numru ta’ CT Scans li jamministraw biex tiġi indirizzata il-lista ta’ stennija.
Qal, “€400,000 biex isiru dawn it-twilight sessions f’Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex aħna niffokaw b’pazjenti bil-kanċer u pazjenti li jbatu b’mard tal-qalb.”