Fis-sit tal-Magħtab fejn kien hemm diġà miżbla oħra fil-wiċċ, li tkopri madwar 30,000 metru kwadru, issa ġiet riabilitata fejn, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, minflok ittieħdet art ġdida, din tħaffret b’mod vertikali f’fond ta’ 55 metru biex tibda timtela b’kontrol sħiħ u maħsub.
Fis-sit ECOHIVE, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, spjega kif minn meta tħabbret l-istrateġija nazzjonali għat-trattament tal-iskart, l-entità ngħatat struzzjonijiet ċari biex ma titteħidx aktar art għall-miżbliet.
Tenna li dan kien possibbli hekk kif sar investiment kbir fl-impjant biex il-maġġoranza tal-iskart, primarjament dak organiku u r-riċiklabbli, ikun jista’ jinbidel f’riżorsa, u dawk is-siti diġà eżistenti tal-WasteServ jiġu mmassimizzati u ma titteħidx aktar raba.
Is-sit, li diġà kien miżbla, issa tnaddaf u tneħħew dawk is-saffi ta’ skart antik li kien hemm u saret ħofra fonda u dritta b’sistema innovattiva biex tkompla jiġi mmassimizzat l-ispazju.
“Din ħa tkun miżbla avvanzata ħafna, miżbla moderna, għandna l-assistenza tal-aqwa esperti internazzjonali f’dan is-settur. Bħalissa l-miżbla waslet fl-aħħar fażi tagħha, fejn wara li tħaffret, qiegħda tiġi lined bit-tafal biex jinħoloq settur impermeabbli, imbagħad jiġu mifruxa l-liners u wara jkun jista’ jidħol skart stabbli fiha.”
Preżenti wkoll għall-preżentazzjoni lill-midja fuq il-post kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, qalet kif il-prinċipju hu li ma jitkomplewx jinfirxu jew jitkabbru artijiet li fiha hemm il-miżbliet fil-pajjiż u b’hekk ma titteħidx aktar art agrikola.
Hi qalet kif hu, għalhekk, li biċċa xogħol bħal din li saret mill-WasteServ hi importanti ħafna.
“Il-prinċipju ta’ dan il-Gvern hu li, flok miżbliet, ikollna ġonna u jkollna l-parks. U allura ma rridux li, b’dak li nkunu qegħdin nagħmlu anke min-naħa tal-WasteServ u bħala Gvern, inkunu qegħdin inkabbru l-footprint tal-miżbla u nieħdu mir-riżorsa naturali bħalma hi l-art agrikola, li tant hi importanti għall-pajjiż.”