Il-Ministeru għall-Intern u għas-Saħħa għaddejjin b’ħidma biex jifformolaw liġi ġdida biex id-droġi sintetiċi kollha jsiru illegali.
Dan biex fost oħrajn tkompli tiġi indirizzata d-droga fil-ħabs. Hu mifhum li fl-aħħar snin, kienet qed tidħol fil-ħabs droga sintetika li ma kinitx illegali, u minħabba f’hekk, il-Puliżija ma setgħetx tieħu passi kontra l-individwu.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew promossi ħames fizzjali tal-ħabs, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li l-liġi tagħmel parti minn bidla aktar wiesgħa li se tkun qed issir fil-ħabs. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tidħol bidla fl-amministrazzjoni, l-infrastruttura, u fil-mod ta’ kif issir id-dixxiplina fil-ħabs.
Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar id-dħul ta’ scanners li se jaqtgħu dawk magħurfa bħala strip searches. Qal li dan it-tagħmir se jżid il-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs.
Huwa qal li ukoll li l-faċilita korrettiva se tibda tittratta ma’ priġunieri mirkuba mill-vizzju tad-droga sa mill-bidu tas-sentenza tagħhom, u mhux fl-aħħar żmien tagħhom fil-ħabs:
“Meta jidħol resident fil-faċilità, ikollu pjan, u jekk ikollu problema tad-droga, il-problema tad-droga tiġi ndirizzata mhux qabel joħroġ fis-soċjetà, imma tiġi ndirizzata kif jidħol fil-faċilità ħalli b’hekk, inkunu nistgħu nkomplu ntejbu r-ribilitazzjoni vera tal-individwi”.
Dr Farrugia qal li l-Gvern se jkompli jgħin biex isaħħaħ il-ħidma li qed twettaq il-Fondazzjoni Rise mal-qraba tal-priġunieri:
“Nindirizzaw ukoll u nipprovaw intejbu s-sitwazzjoni tal-familjari tagħhom. Li ma rridux li t-tfal ta’ dawn ir-residenti jimxu ma’ dak li jkun għamel missierhom jew ommhom, u allura rridu nippreparawhom minn issa, nilqgħu minn issa, biex nimxu ‘l quddiem”.
Bidla li mistennija tidħol fis-seħħ hija fil-menu tal-ikel, fejn il-priġunieri se jkollhom għażla ta’ ikel minfejn jagħżel kull ġimgħatejn.