L-Università ta’ Malta flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ffirmat ftehim ma’ Caritas Malta li se jwassal biex isir studju tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna.
Dan hekk kif dan l-istudju se juri x’raġunijiet hemm, li huma pożittivi għaliex persuni jibqgħu ‘l bogħod mill-vizzji.
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi saħaq kif dan l-istudju huwa innovattiv.
Qal, “Għall-ewwel darba se jsir studju, fejn se nkunu qed inħarsu lejn l-affarijiet pożittivi li jżommuk milli inti tidħol fid-dinja tal-addictions. Jiġifieri ssoltu nagħmluha bil-kontra, is-soltu naraw kemm nies jieħdu l-kokaina, kemm hawn min jieħu l-eroina. Le, aħna din id-darba se nagħmlu studju bbażat anke fuq pajjiżi oħrajn fejn se naraw dan u dan huwa studju innovattiv ħafna.”
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt semma kif il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tmur lura snin, hekk kif il-professjonisti li jgħinu lill-vittmi jieħdu t-taħriġ tagħhom mill-Università.
Gatt qal kif studju bħal dan se jkompli jgħin fil-prevenzjoni mill-vizzji.
Qal, “Allura dejjem jinħass aktar il-bżonn li aħna nifhmu x’inhuma l-fatturi li jwasslu li jgħinu l-familji biż-żgħażagħ biex jgħixu ħajja sana lil hinn u ’l bogħod mid-droga jew anke imġiba oħra li tista’ ttellifhom fl-iżvilupp tagħhom.”
Preżenti wkoll għal dan il-ftehim kien hemm ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella.
Huwa saħaq kif studji bħal dawn iżommu lill-Università relevanti.