Fl-2014, erbat elef persuna li jgħixu f’Malta u f’Għawdex, li kellhom bejn it-tmintax u s-sebgħin sena, ġew magħżula biex jieħdu sehem fi stħarriġ ta’ eżami tas-saħħa, imsejjaħ “Saħħtek”.
Dawn ħadu sehem f’intervista u sarilhom eżami mediku, li kien jinvolvi l-iċċekkjar tal-piż, it-teħid tal-pressjoni u testijiet tad-demm.
Dan l-istudju kien ipprovda informazzjoni importanti dwar il-mard metaboliku f’Malta, fosthom id-dijabete, il-pressjoni għolja, l-obeżità u l-kolesterol – kollha kundizzjonijiet li jżidu r-riskju tal-akbar kawża tal-imwiet f’Malta – il-mard kardjovaskolari, tal-qalb.
Illum, kważi diċenju wara, uħud minn dawn il-persuni se jerġgħu jiġu msejħa biex jirrepetu dan it-test, biex ikun hawn stampa aktar ċara tas-saħħa tal-popolazzjoni Maltija.
Dan speċjalment wara snin ta’ episodji turbolenti, bħall-pandemija, li ħallew effetti mhux magħrufa.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha tkellmet Dr Elizabeth Grech, li se tmexxi dan l-istudju fix-xhur li ġejjin, taħt is-superviżjoni ta’ Dr Sarah Cuschieri.
Stqarret, “Il-popolazzjoni ntagħżlet at random mill-cohort ta’ nies li ntagħżlu għall-istudju ‘Saħħtek’, jiġifieri l-istess nies li pparteċipaw f’dak l-istudju, ħa jerġgħu jiġu mistiedna biex jieħdu sehem f’dan l-istudju. Huma jiġu għal check-up tas-saħħa b’xejn, fejn neħdulhom it-tul, il-piż, kwestjonarju u kif ukoll jittieħed naqra demm.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li riċerka bħal din tibgħat messaġġ ċar dwar kemm hu importanti li kull studju jibqa’ jiġi segwit biex jittieħdu azzjonijiet tanġibbli li jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “L-iskop tagħna, aħna ridna nieħdu r-riċerka u l-innovazzjoni għand in-nies. Għalhekk, x’hemm isbaħ mis-saħħa? Aħna ridna nolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj, permezz ta’ dan l-istudju, li prattikament se jkun qed jiddiskuti l-mard u l-prevenzjoni tiegħu.”