Riċerka minn Charlene Vella bħala parti mid-dottorat tagħha se jwassal għall-konservazzjoni u restawr ta’ kwadru trittiku ddedikat lill-Verġni tas-Sokkors. Dan il-kwadru maqsum fi tliet biċċiet jagħmel parti mill-kollezzjoni tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u se jkun it-tieni pittura minn din il-kollezzjoni li se tkun studjajta wara li s-sena l-oħra tlesta r-restawr fuq il-bradella ta’ Salvo d’Antonio.Dr Vella spjegat ma’ ONE News id-diversi interventi li se jsiru fuq dan il-kwadru li x-xogħol fuqu mistenni li jdum madwar seba’ xhur. Fosthom jinkludi 3D scans li ħa jsiru għall-ewwel darba fuq kwadru f’pajjiżna sabiex permezz tal-informazzjoni miksuba jkun hawn għarfien aħjar fuq il-pittura u l-għamla tagħha.
“Se nippruvaw inġibu dal-kwadru lura lejn dak oriġinali rinaximentali għaliex nafu li l-kwadru intmess ħafna matul iż-żminijiet u kien hemm ukoll restawr li sar fl-aħħar seklu, imma hemm ħafna over-paintings li jistgħu jitneħħew biex jiġi aktar awtentiku. l-ewwel darba li ħa ssir din it-3D Mapping fuq kwadru hawn Malta għax issoltu ssir fuq siti arkeologiċi allura se nkunu nistgħu niddiskutu dawn l-interventi ma’ Professuri minn barra”.
Il-Professur Mario Buhagair li ilu mill-2010 jaħden ma’ Dr Vella fuq din ir-riċerka tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-kwadru.
“Dan il-kwadru huwa importanti għax huwa wieħed mix-xhieda li għandna li r-rinaxximent wasal Malta qabel il-kavallieri u terġa’ għandu importanza oħra li Antonio de Saliba għandu konnessjoni kbira ma’ Malta”.
Ir-rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn dan u qal li l-Università se tkompli tappoġġja riċerka bħal din.
Dan il-proġett seta’ jkun possibli grazzi għall-fondi mill-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta li offrew €23,000 lir-riċerkaturi. Il-President Fredrick Mifsud Bonnici spjega li l-missjoni tal-Fondazzjonj hija li tissalvagwardja u tqajjem aktar kuxjenza lejn il-wirt kurturali, ambjentali u turistiku ta’ Malta.