Ftehim bejn id-direttorat tar-Restawr tal-Gvern u l-Kurja se jwassal biex il-Gvern jidħol għal xogħol ta’ restawr fuq il-Parroċċa l-Qadima ta’ Santa Marija f’Birkirkara.
Mibnija fis-seklu 17, il-Parroċċa ta’ Santa Marija għandha storja twila ta’ problemi strutturali kkawżati minn pedamenti msejsa fuq saffi ġeoloġiċi differenti li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is-snin.
Għalkemm reġgħu nbnew il-partijiet imġarrfa, baqgħu jiffurmaw diversi konsenturi li wrew li l-problema fil-pedamenti ma kinitx solvuta.
Il-Kurja laqgħet dan il-ftehim, u l-Kappillan Dun Reuben Deguara semma kif dawn il-jiem huma importanti għal din il-knisja peress li jimmarkaw il-15-il anniversarju mindu saret parroċċa dedikata lil Santa Marija, b’digriet mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Il-Ministru għall-Kultura Jose Herrera fisser kif dan il-proġett ser jimmarka mument storiku fil-ħarsien ta’ dan il-patrimonju għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ix-xogħlijiet fuq il-knisja għandhom jitlestew sal-2024.