Sal-aħħar ta’ Jannar li ġej il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent se jkun qed jagħmel protokoll għall-protezzjoni tas-siġar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt il-konferenza ‘Greening our Grey’.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal kif dan il-protokoll se jinkludi sabiex dawk li jħawlu s-siġar, ikomplu jkunu responsabbli u ma jitilqux is-siġar li jkunu ħawlu.
Qal, “Bażikament li qegħdin ngħidu huwa, li huwa tajjeb u ħa nkomplu nħeġġu entitajiet governattivi, kunsilli lokali, anke dawk privati illi jħawwlu s-siġar. Però huwa importanti li mhux tħawwel siġra biss, imma li tieħu ħsiebha u allura l-protokoll se jitkellem ċar dwar dawk li ħa jħawwlu s-siġar, x’beħsibhom jagħmlu, x’għandhom jagħmlu biex jieħdu ħsieb dik is-siġra partikolari.”
Il-Ministru Aaron Farrugia qal kif din is-sena kienet l-aktar sena li fiha tħawlu siġar.
Waqt din il-konferenza l-Ministru Farrugia qal kif fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se joħroġ pjan sabiex ikun hemm tħaddir fiż-żoni urbani madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru Farrugia ħabbar li se titwaqqaf struttura ġdida għall-imsieħba ewlenin li tara li qed isir dan il-pjan ta’ azzjoni.
Huwa semma kif il-Gvern għaddej b’xogħlijiet ta’ tħaddir urban, fosthom f’Santa Venera, il-Mosta, Ħaż-Żabbar u l-Marsa.
Dan apparti l-iskemi ta’ tħaddir ta’ faċċati tad-djar, fuq il-bjut u l-green walls.
Qal, “Imma issa jonqos li mmorru għal pass li jmiss, dak li l-poplu jistenna minnha. U llum ħabbart f’din il-konferenza blueprint li ħa nkunu qegħdin niktbu flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-awtoritajiet ikkonċernati biex b’hekk ikollna l-pjan għaż-żmien illi ġej, ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern, f’dan il-partafoll partikolari, biex b’hekk il-pajjiż ikun fuq binarji ċari ta’ x’tip ta’ ambjent urban se jkollna madwar il-pajjiż.”
F’din il-konferenza tkellem ukoll Dr Antoine Zammit, lettur fl-Università ta’ Malta li saħaq fuq l-imporantanza tat-tħaddir fl-urban.
Qal, “Illum nafu wkoll li investiment fl-infrastruttura ħadra tista’ ġġib investiment ikbar mill-aspett soċjo-ekonomiku. Jiġifieri l-benefiċji huma ikbar, apparti l-fatt ovvjament għas-saħħa tagħna din ittjieba minħabba l-pollutants li hemm fl-arja jiġu miġbura.”