Il-Gvern flimkien mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, ħabbar proġett infrastrutturali massiċċ b’investiment ta’ €6 miljun li se jkun qed jagħti ħajja ġdida lix-xatt tal-Kalkara.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kalkara stess hekk kif ġie spjegat li madwar sena ilu l-Gvern qabbad lill-Korporazzjoni sabiex taħdem fuq pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ din iż-żona.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi spjega kif dan il-proġett se jkun qed jinkludi 650 metru ta’ pavimentar ġdid b’bankijiet ġodda u b’aċċess imtejjeb għall-baħar, bosta siġar ġodda u sistema ta’ irrigazzjoni li tiżgura tisqija effiċjenti għal żoni tal-pajsaġġ u passaġġ pedonali ta’ erba’ kilomteri u nofs minn Villa Bighi sal-ponta tal-Isla.
Dan flimkien ma’ riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja li se tiġi trasformata f’żona pedonali u bandli ġdid fil-pjazza li se jkun qed joffri ambjent aktar sigur u aċċessibbli għat-tfal.
Is-Sindku Kalkariż Wayne Aquilina, laqa’ b’sodisfazzjoni dan il-proġett li se jagħti lura spazju mill-isbaħ lil dawk kollha li jiffrekwentaw iż-żona.
Huwa stqarr: “Nilqa’ b’sodisfazzjon dan l-investiment għar-riġenerazzjoni vera ta’ din iż-żona. Inħares ’il quddiem biex fix-xhur li ġejjin naraw din iż-żona isbaħ biex nagħtuha lill-pubbliku Kalkariż u dawk li jżuru r-raħal sabiħ tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg tenna li l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-wegħda tiegħu li joħloq aktar spazji miftuħa.
Fakkar ukoll kif il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed twettaq numru ta’ proġetti madwar il-Port il-Kbir.
Il-Ministru Borg sostna: “Nemmen li se nkunu qed nilħqu l-ikbar intervent u l-ikbar proġett li se jkun qed jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin propju meta niġu biex nirriġeneraw il-Marsa u n-naħa ta’ ġewwa tal-Port. Bħalissa għaddejjin bit-tindif hemmhekk fil-baħar u fuq l-art u għandek allura l-ispazju tal-Powerstation li jrid jiġi ġġenerat u utilizzat mill-ġdid.”