Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, tħabbar li ħarġet sejħa pubblika għal proposti ta’ disinn ta’ mafkar fil-bronż, f’ġieħ l-avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li se jkun qed jitqiegħed f’Misraħ Kastilja, il-Belt Valletta.
Il-Ministru Bonnici semma l-kwalitajiet li l-avukat Mifsud Bonnici kien mogħni bihom, fosthom l-onestà, l-umiltà, u s-sens ta’ altruiżmu li kellu. Huwa sostna li l-eks Prim Ministru kien dejjem leali lejn il-prinċipji li trabba u emmen fihom.
Huwa sostna li pajjiżna, permezz ta’ dan il-monument, se jkun qed jirrikonoxxi l-ħidma ta’ dan il-politiku, li se jibqa’ fil-qalb ta’ ħafna Maltin u Għawdxin.
“Il-Gvern jemmen li l-personalità, il-memorja, ta’ Dr Mifsud Bonnici, għandha tiġi mogħtija rispett u dan qed nagħmluh billi naraw li jkun hemm monument fi Pjazza Kastilja. Dr Mifsud Bonnici kien personalità importanti ħafna fl-Istorja politika ta’ pajjiżna. Personalità pożittiva li għamlet il-ġid tagħha fis-soċjetà tagħna, kif jixhdu ħafna n-nies li mal-mewt tiegħu kien hawn sentiment fil-pajjiż fuq iż-żewġ naħat tal-kamra: kulħadd jitkellem fuq il-kwalitajiet uniċi ta’ Dr Mifsud Bonnici. Din hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala grazzi lil din il-personalità.”
Ministru Owen Bonnici
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-aġenzija se tkun qed tieħu ħsieb il-mafkar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Karmenu Mifsud Bonnici serva bħala Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali, Deputat Prim Ministru Anzjan, u Ministru tal-Edukazzjoni. Qeda dmirijietu bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-1984 u l-1987.
Huwa ħalla din id-dinja fl-eta ta’ 89 sena fil-5 ta’ Novembru li għadda.