L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bikes ħabbret fuq il-midja soċjali tagħha li, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Jake Vella, li wkoll kellu għal qalbu ċ-ċikliżmu, se jkunu qed jakkumpanjaw il-korteo tal-funeral tiegħu mill-Isptar Mater Dei fl-Imsida sal-Knisja ta’ Birżebbuġa.
Waqt li appellat lill-membri biex is-Sibt fit-8:30 ta’ filgħodu jiltaqgħu ħdejn l-Università ta’ Malta, ħeġġithom jilbsu l-gerijiet rispettivi tal-klabbs tagħhom biex jagħtu l-isbaħ ġieħ liż-żagħżugħ “fl-aħħar ġirja miegħu”.
Il-korteo se jkun qed jgħaddi mill-mini ta’ Santa Venera, mill-Marsa, it-Triq tal-Barrani għal Birżebbuġa.
Tenniet ukoll li ċiklisti oħrajn, li jixtiequ jingħaqdu magħhom, jistgħu jagħmlu dan, inkluż minn ħdejn id-daħla ta’ Birżebbuġa, viċin ir-restorant Alfresco.