F’għeluq it-tliet mitt sena mit-twelid tal-Furjana, u fl-okkażjoni ta’ Jum il-festa ta’ San Pubbliju, kull Furjaniż iħossu kburi b’dan l-anniversarju. Imma mhux biss, għax l-erbatax ta’ April ta’ din is-sena se jibqa’ minqux fl-Istorja tal-Furjana bħala l-jum li fih sar ftehim bejn l-Arċidjeċosi ta’ Malta u l-Gvern Malti biex isir ir-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokjali u jsirilha d-dawl meħtieġ biex tkun gawduta minn kull min iżur il-Furjana.
Dwar dan il-ftehim tkellimna mal-Arcipriet tal-Furjana Fr Charles Cini.
“Ifisser ħafna, għaliex il-knisja hija tant għażiża għal poplu Furjaniż. Biex nagħmlu dawn il-proġetti kbar għandna bżonn żgur l-għajnuna kemm tal-Fondi mill-Unjoni Ewropeja kif ukoll il-fondi li jagħtina il-Ministeru tat-Turiżmu u b’hekk b’dankollu inkunu nistgħu inwettqu l-ħolma ta’ kull Furjaniż, biex nerġgħu naraw il-ġmiel tal-faċċatta tal-Knisja tagħna anki nerġgħu naraw l-iskultura li kien hemm qabel ma twaqqgħet fil-gwerra. Ħa nerġgħu narawha kif kienet qabel.”
Il-Ministru Clayton Bartolo tkellem dwar l-importanza li l-gvern Malti jkompli jinvesti fil-patrimonju li jħaddan pajjiżna.
“Permezz ta’ dan il-ftehim tallum se nkunu qed naraw li l-gvern jagħmel il-parti tiegħu ħalli tkun restawrata il-faċċata tal-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana u anki jkun hemm id-dawl xieraq għal din il-faċċatta. B’hekk se nkunu qed ninvestu dejjem iktar fil-komunitajiet, fil-patrimonju u fl-identita tagħna l-Maltin biex nagħtu ukoll prodott turistiku iżjed diversifikat, isbaħ u anki ta’ kwalita lil dawk kollha li jżuruna u lil Maltin u l-Għawdxin li jżuru il-Furjana.”