Tnediet l-għaxar edizzjoni tal-Festival tal-Barokk, li se jsir fuq medda ta’ sitta u tletin kunċert fi tmintax-il post.
Fil-Palazz tal-Verdala fil-Buskett intqal kif dan il-festival se jiġbed artisti lokali u anke barranin.
Dan il-festival se jkun qiegħed isir taħt il-kappa ta’ Festivals Malta, wara snin immexxi mit-Teatru Manoel.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, sostna kif dan il-festival kien utli biex Malta ssib ruħha fuq il-mappa globali għall-festivals, u li għalhekk, huwa sodisfatt ferm b’din il-ħidma: “Ilqajna din il-ħaġa verament bi pjaċir għaliex dejjem qed inkabbru l-kullana ta’ festivals li jaqgħu taħt Festivals Malta, minn kull tip.”
Intant id-Direttur Kreattiv ta’ dan il-festival, Kenneth Zammit Tabona, stqarr kif dan il-festival huwa mistenni li jkun ta’ suċċess, hekk kif joffri spettaklu għal bosta persuni: “Tmenin fil-mija huwa mużika tal-epoka propju imma dejjem hemm il-varjazzjonijiet. Jien inħobb nagħmel xi ħaġa għal kulħadd, anke kunċert tar-rock, ‘Rock Baroque’. Jiġifieri hemm ħafna affarijiet li huma differenti mill-festivals oħra u hemm ħafna varjazzjonijiet.”
Il-Ministru għall-Kultura, José Herrera stqarr li dan il-festival huwa utli sabiex pajjiżna jattira niċeċ differenti ta’ turisti: “Jien naħseb li jekk aħna bis-serjetà rridu jkollna turiżmu ta’ kwalità, irid ikollna attivitajiet ta’ din ix-xorta. Din hija l-viżjoni tal-ministeru tiegħi, li id f’id mal-Ministeru tat-Turiżmu, nippruvaw nattiraw dan il-ġeneru ta’ turiżmu.”