Il-livell tal-alkoħol biex tkun tista’ ssuq se jonqos minn zero punt tmienja ta’ gramma kull litru għal nofs gramma kull litru.
Din hija waħda minn tlieta u għoxrin azzjoni li qed jittieħdu bħala parti mill-politika nazzjonali dwar l-alkoħol.
Politika li tnediet il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon.
Sabiex tnediet din il-politika, li se sservi sal-elfejn tlieta u għoxrin, saru diversi riċerki u studji sabiex tinkiseb stampa ċara fuq il-konsum tal-alkoħol f’pajjiżna.
Ingħad li Malta tinsab ma’ ta’ fuq fejn jidħol dan il-konsum, u għalhekk saret din il-politika nazzjonali, li għandha tliet dimensjonijiet, kif spjega l-Professur Richard Muscat.
Waqt il-preżentazzjoni, is-Sur Muscat semma kif il-moħħ ta’ dawk taħt is-sbatax-il sena jkun għadu ma ffurmax kompletament, u l-konsum tal-alkoħol iwassal biex moħħhom ma jiżviluppax sew.
Il-Ministru Micahel Falzon spjega li kull dimensjoni indirizzata fil-politika nazzjonali għandha sett ta’ azzjonijiet apposta.
Il-monitoraġġ tal-politika nazzjonali dwar l-alkoħol se jseħħ fuq bażi annwali bejn l-elfejn u tmintax u l-elfejn tlieta u għoxrin, u minn hawn se joħroġ rapport li jagħti stampa ċara tar-riżultati tal-politika nazzjonali.
Dan filwaqt li l-politika tiġi aġġornata kif meħtieġ matul iż-żmien biex tindirizza b’mod effettiv ir-realtajiet li jkunu qed iseħħu fil-futur.