Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni joħroġ il-kuntratt sabiex ikun hemm servizz ta’ lanċa minn Buġibba.
B’hekk aktar ħaddiema Maltin u anke turisti li joqogħdu f’dawn in-naħat tal-pajjiż se jkollhom issa l-faċilità li jużaw b’kumdità t-trasport bil-baħar.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħata aġġornament dwar ix-xogħlijiet li qed isiru b’investiment ta’ ħames miljun ewro fil-moll fejn jieqfu l-passiġġeri tal-lanċa mill-Belt għall-Bormla.
Qal, “Diġà għandek ħafna nies li jagħmlu dawn il-vjaġġi, mill-Kottonera għall-Belt u l-istess lejn in-naħa ta’ Tas-Sliema, allura rridu naraw li anke fuq in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż ikun hemm dan. Fil-ġranet li ġejjin se toħroġ it-tender għal San Pawl il-Baħar waqt li dawn il-land in sites, kemm hawnhekk u Tas-Sliema u Marsamxett se jiġu finalizzati fil-futur qrib biex jagħtu kumdità lill-passiġġier.”
Intant, sa nofs is-sena d-dieħla l-proġett ta’ Bormla mistenni jkun lest u għalhekk iż-żona se tkun aktar sigura u anke b’faċilitajiet ġodda.
ONE News tkellem mal-Kap tat-Taqsima Marittima, il-Perit Janice Borg, li spjegat f’liema fażi waslu x-xogħlijiet.
Spjegat, “Baqalna xogħlijiet bħal servizzi, se jiġu partijiet li qed jinħadmu minn Sqallija u kif ikun hemm ammont sostanzjali lest, se jiġu fuq il-post biex jaħdmu hawnhekk. La darba jkun lest dan il-proċess, iridu jsiru wkoll rampi li jkunu jaħdmu bil-hydraulic biex skont il-livell tal-baħar jaġġusta ruħu mal-vapur.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif permezz ta’ fondi Ewropej, pajjiżna qed jinvesti fi proġetti simili sabiex jonqos il-karbonju.
Qal, “Qed isiru dawn l-investimenti fejn jidħol il-landing ferries dan apparti investimenti oħra illi saru marbuta anke ma’ bridges biex wieħed ikun jista’ jimxi aktar u anke juża r-roti u dan huwa mezz kif ninvestu ħalli mhux biss ikollna mezzi differenti ta’ trasport imma anke jkollna aktar dekarbonizazzjoni tal-qasam tat-trasport.”
Bħala parti minn dan il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, Infrastruttura Malta qed tlesti wkoll moll għall-inżul tal-laneċ simili fiż-żona tal-laneċ ta’ Tas-Sliema.