Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura nhar it-Tnejn li ġej se tmur għand l-Awtorità tal-Ippjanar bi pjan biex il-fish farms jiġu rilokati. Din ir-rilokazzjoni qalu li trid issir b’mod studjat u strutturat, u qalu li għandha ssir sa Ġunju 2017, meta jibda l-istaġun tat-tonn.
Il-Federazzjoni ammettiet ir-responsabilità ta’ tniġġiż, u qalu li l-ikel tal-ħut kellu ħafna żejt żejjed, liema problema ġiet ikkontrollata. Il-Federazzjoni wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li l-Gvern sema’ t-talba tagħhom. Spjegaw li kienu ilhom snin twal jitolbu rilokazzjoni, iżda t-talba tagħhom qatt ma ngħatat widen fi żminijiet oħra.
Il-Federazzjoni esprimiet ix-xewqa li jkun hemm aktar regolamentazzjoni u aktar spazju bejn fish farm u ieħor. L-akwakultura hija industrija b’saħħitha f’Malta li b’kollox tħaddem mal-elf persuna.
