L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess biex jiġu rrestawrati l-faċċati ta’ diversi ħwienet li jinsabu fit-telgħa Ta’ Liesse li jibqgħu sejrin sal-Victoria Gate. Ħwienet li fl-imgħoddi kienu jagħmlu parti minn waħda mill-aktar żoni kummerċjali fil-Belt.
Il-proġett huwa parti minn inizjattiva li għandha tirriġenera din iż-żona tal-Belt u b’hekk issir iktar attraenti għat-turisti li jżuru l-Kapitali.
Dawn il-faċċati għandhom bżonn kbir ta’ restawr minħabba bosta ħsarat fosthom ħsara u swidija fil-ġebla.
Ix-xogħlijiet, li se jsiru taħt l-awspiċji tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se jaraw lil dawn il-binjiet storiċi jerġgħu jiksbu l-karattru u l-faxxinu tagħhom.
Lura fi żmien il-Kavallieri, meta l-Belt kienet belt iffortifikata, it-telgħa kienet waħda mit-tliet postijiet li minhhom stajt tidħol fil-Belt.
Taħt il-ħakma Ingliża, Porta Del Monte, li kienet daħla b’arkata waħda, kienet ikkunsidrata wisq żgħira għall-attività li kienet dieħla u ħierġa fil-Belt min-naħa tal-Port il-Kbir.
Fl-1885, daħla b’arkata iktar wiesgħa iddisinjata mill-Arkitett Emmanuele Luigi Galizia, ħadet post Porta del Monte, għal dik li llum nafuha bħala Victoria Gate.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar aċċettat ukoll li jittejbu u jiġu rrestawrati għadd ta’ toroq li jinsabu fil-madwar tal-biċċerija l-antika, li bħalissa qed tkun riabilitata, imsebbħa u mibdula f’Design Cluster.