Il-Ħamis fid-9:00 ta’ filgħodu, 113-il kardinal attendew it-tielet Kongregazzjoni Ġenerali fis-sala ġdida tas-Sinodi fejn fiha iddeċiedew min se jkun qed imexxi iż-żewġ meditazzjonijiet ta’ qabel il-konklavi.
Matul din il-laqgħa, ittieħed il-ġurament mill-kardinali li kienu għadhom ma għamlux dan skont il-kostituzzjoni appostolika, u wara saru 34 intervent.
Hawnhekk il-kardinali ddeċiedew li l-quddiesa fis-sitt jum tan-Novemdjali se tkun iċċelebrata mill-Kardinal Victor Manuel Fernández minflok mill-Kardinal Kevin Farrell. Qablu wkoll li l-ewwel meditazzjoni nhar it-Tnejn, issir minn Fr Donato Ogliari, Pirjol tal-Knisja ta’ San Pawl Fuori le Mura u li l-Kardinal Raniero Cantalamessa, il-Predikatur Emeritu tad-Dar Papali, imexxi t-tieni meditazzjoni fil-bidu tal-konklavi, li d-data tagħhom għadha mhiex definita.
Kien deċiż ukoll li diversi persuni li jibbenefikaw mill-attivitajiet tal-karità tal-Knisja għandhom jistennew fuq it-taraġ tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore sabiex jilqgħu t-tebut u jsellmu lil Papa Franġisku qabel id-difna. Dan qed isir fl-isfond li Papa Franġisku dejjem sostna li l-foqra għandhom post ipprivileġġat f’qalb Alla fejn anke għażel l-isem ta’ Franġisku sabiex il-foqra qatt ma jintesew.
Id-direttur tal-uffiċċju tal-midja tas-Santa Sede, Matteo Bruni qal ukoll li s-Sibt filgħodu fid-9:00, se tkun qed issir ir-reċita tar-Rużarju quddiem il-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore filwaqt li d-difna ta’ Papa Franġisku se tkun waħda privata.
Il-pubbliku se jkun jista’ jibda jżur il-qabar ta’ Papa Franġisku mill-Ħadd filgħodu.
Il-laqgħa ntemmet f’nofsinhar u aġġornat għall-Ġimgħa filgħodu.