Għall-ewwel darba, it-tim ta’ referees fuq il-grawnd se jkun magħmul kollu kemm hu minn nisa għall-logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-irġiel fil-fażi tal-gruppi, liema logħoba se ssir għada, bejn il-Kosta Rika u l-Ġermanja.
Stephanie Frappart se tkun l-ewwel mara-referee fit-Tazza tad-Dinja tal-irġiel.
Il-Franċiża saret l-ewwel uffiċjal mara fit-tournament meta nħatret bħala r-raba’ uffiċjal għal-logħba tal-Messiku u l-Polonja nhar it-Tlieta li għadda.
“Nafu x’tip ta’ pressjoni jkun hemm,” qalet Frappart lill-BBC Sport qabel it-tournament.
“Imma naħseb li mhux se ninbidlu. Se nkunu kalmi, iffukati, ikkonċentrati, ma naħsbux wisq dwar il-midja u fuq kollox, inkunu ffukati biss fuq ix-xogħol.”
Frappart se tingħaqad mill-assistenti referees, il-Brażiljana Neuza Back u l-Messikana Karen Diaz Medina, fl-Al Bayt Stadium għada.
Mistoqsija jekk qatt kellhiex kummenti minn plejers, maniġers jew partitarji minħabba li hija mara, Frappart qalet: “Minn meta bdejn, dejjem kont appoġġjata minn timijiet, klabbs u plejers. Dejjem kont milqugħa fil-grawnd u għalhekk inħossni bħal kull referee ieħor ġewwa l-pitch. Dejjem kont milqugħa, allura naħseb li se nkun milqugħa bħas-soltu.”
Hija kienet l-ewwel mara referee għal-logħba taċ-Champions League tal-irġiel fl-2020.