Fiż-żmien li ġej se jsiru emendi fil-liġi tal-IVF, biex fost l-oħrajn tibda diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ test li janalizza l-embrijun qabel isir iċ-ċiklu, magħruf bħala PGD.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Pjazza, li spjega kif dan se jsir fi sfond ta’ teknoloġija li kull ma jmur, dejjem tavvanza.
Qal, “Din il-ġimgħa stess tani d-draft l-Avukat tal-Istat biex nerġgħu ndaħħlu xi emendi fil-liġi tal-IVF għax it-teknoloġija dejjem tavvanza … qed naraw li r-rati ta’ Malta wara l-embryo freezing ikun hemm ikun hemm iktar suċċess, milli meta tuża l-proċess tal-IVF mingħajr l-embryo freezing.”
Chris Fearne spjega kif dawn l-emendi se jkunu diskussi minkejja li fil-passat qatt ma sabu l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Spjega, “Aħna biex għaddejna liġi fil-Parlament, dommna ġimgħat, imeruna fuq kull kelma, b’mod ferventi kienu kontra dawn l-affarijiet u allura jekk għad hemm min irid isiefer barra l-pajjiżi biex jieħu dawn is-servizzi għax kien hemm il-Partit Nazzjonalista li kien kontra.”
Id-Deputat Prim Ministru appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-Gvern fuq din l-emenda.
Qal, “Issa qiegħed nisma’ jien lil Bernard Grech jgħid li ma jridx iżjed koppji Maltin ikomplu jsiefru barra u allura qed nippretendi li meta niġu għas-siegħa tal-prova minflok ħa jfixkluna n-Nazzjonalisti issa jkunu magħna flimkien biex ngħaddu din il-liġi.”
Intant, sas-Sibt filgħodu, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jmeri s-sewwa magħruf, hekk kif qal li dan is-servizz għandu jingħata b’xejn.
Ma’ dan l-istazzjon il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, Simone Attard, ikkonfermat li t-trattament kollu għall-IVF f’pajjiżna jingħata b’xejn, u hija biss il-mediċina li trid titħallas mill-koppja.