Iċ-ċentri tas-saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Qormi se jkun qed isirilhom proġett ta’ rinovar u mmodernizzar.
Dan l-investimenti huma parti mill-ħidma li qed jagħmel il-Gvern f’għadd ta’ ċentri u bereġ tas-saħħa madwar Malta sabiex il-klijenti jinqdew bl-aħjar mod, bl-ogħla kwalità tas-servizzi tas-saħħa fl-aħjar ambjent possibli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat li mhux il-ġebla biss se tkun qed tinbidel, għaliex fuq ġewwa se jsiru proġetti massiċċi li ilhom mistennija diversi snin, li se jibdlu dak li hemm bħalissa fl-istess waqt li jagħtu lok għal servizzi ġodda.
Qalet, “Dan huwa dejjem biex il-klijent ikun dejjem moqdi bl-ogħla servizz tal-aħħar standards ta’ servizz u fl-aħjar ambjent possibbli, ikun f’ambjent komdu. Kemm il-klijenti kif ukoll l-istaff tal-kura primarja, qed jaħdmu, il-persunal qed jaħdem, u l-klijenti huma moqdija fl-aħjar ambjent komdu tal-aqwa kwalità.
Minħabba din il-manutenzjoni, iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara se jagħlaq il-bibien tiegħu biex ikun jista jingħata bidu għal proġett ta’ rinnovar.
Proprju mil-ġimgħa dieħla, ir-residenti ta’ Birkirkara u tal-lokalitajiet tal-madwar li bħalissa jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, se jkunu jistgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana jew tal-Gżira.
Fost is-servizzi li se jingħataw hemm is-servizz tat-tabib u s-servizz tal-infermiera.
Qalet, “Klijenti u pazjenti li diġà għandhom appuntament se jkunu qed jiġu kkuntattjati mit-Telemedicine Support Centre, tal-primary healthcare, biex jgħidulhom fejn se jkun l-appuntament tagħhom. Ħafna mill-appuntamenti se jmorru l-Furjana, hemm oħrajn li se jmorru l-Gżira. Il-bleeding li ssir filgħodu se jibqa’ fil-Kunsill Lokali.”
Intant, iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Qormi mhux se jkun qiegħed jagħlaq il-bibien tiegħu waqt ix-xogħlijiet.
Iż-żewġ proġetti mistennija jkunu lesti sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.